Jixtieq li wara mewtu, ġismu jintuża għal skopijiet ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta

Madwar tletin persuna fis-sena, wara mewthom jagħtu ġisimhom lill-Università ta’ Malta għal skopijiet ta’ riċerka, biex fuqhom isir studju mill-istudenti tal-mediċina.

Natius  Farrugia jixtieq li wara mewtu flok ġismu jittiekel mid-dud, jiġi utilizzat għal skopijiet ta’ riċerka mill-istudenti tal-Università ta’ Malta. Huwa spjega li ftit taż-żmien ilu ħadem fl-iskola tal-mediċina għaldaqstant jifhem il-bżonn tal-istudenti tal-mediċina li jistudjaw fuq ġisem reali biex jiżviluppaw id-dottorat tagħhom. Farrugia qal dan il-fatt fuq il-midja soċjali tiegħu biex iħajjar iktar nies jieħdu eżempju.

‘Popolin’ tkellem ma Dr Jean Calleja Agius, Professur fil-fakultà tal-mediċina u l-kirurġija. Din spjegat li minn Frar tal-2020 il-proċess biex wieħed jagħti ġismu għal-skopijiet ta’ riċerka ġie simplifikat, dan għaliex qabel il-persuna kienet mitluba tindika din ix-xewqa fit-testment. Dan il-proċess ġie eliminat, illum il-ġurnata persuna li tixtieq tagħti ġisimha b’donazzjoni lill-Università ta’ Malta trid biss, timla formola apposta fejn tindika isimha, l-firma tagħha u firma ta’ membru tal-familja dirett. Dan il-membru jkollu d-dmir li javża lil fakultà tal-mediċina u l-kirurġija li d-donatur ġie nieqes.

Mistoqsija mill-preżentatur jekk il-ġisem li jkun intuża għal skop ta’ riċerka jiġix midfun, Dr Jean Calleja Agius spjegat li d-donatur għandu l-possibilità li fil-formula jindika jekk iridx jindifen wara tliet snin, ħames snin jew qatt. Illum il-ġurnata jeżistu modi kif il-ġisem jiġi ppreservat għal dejjem. Spjegat ukoll li ġisem li jiġi mogħti b’donazzjoni xorta jista’ jsirlu funeral praesente cadavere.

Min jitħajjar jagħti ġismu għal dan l-iskop jista’ jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq 23403825.