
Aktar kmieni: Waqt li llum mistennija tkun konkluża l-inkejsta dwar l-isparatura, fis-sigħat li għaddew il-media tal-Partit Nazzjonalista xandret żewġ rekordings ta’ telefonati li saru qabel, waqt u wara l-isparatura fejn ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia jinstema’ jitkellem mal-control room tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn beda jinfurmahom b’dak li kien qed jiġri.
Fis-2 p.m. NET News xandar il-ħames telefonata li x-xufier tal-Minsitru Mallia, Paul Sheenhan għamel fid-9.06 p.m. lill-112. Matul din il-telefonata, il-‘control room’ tal-pulizija għaddew lil Sheehan mal-pulizija tal-mobile li talbuh repetutament il-lokazzjoni ta’ fejn jinstab. Sheehan jinstema’ wkoll jgħajjar lill-Iskoċċiż fost affarijiet oħra “purċinell”.
21.01 – It-tielet telefonata – Ix-xufier tal-Ministru Mallia jerġa’ jċempel 112 għat-tielet darba
Sheehan: Hello
Pulizija ‘control room’: Żomm il-linja ħa ngħaddik mal-Pulizija.
Sheehan: Smajthom għaddejjin taħt il-mina.
Pulizija ‘control room’: Għalhekk se ngħaddik magħhom. Ibqa’ fuq il-linja. Għaddejtek, min inti int?
Sheehan: 533, ix-xufier tal-Ministru Mallia.
Pulizija ‘control room’: 533, żomm waħda l-linja.
Sheehan: Ara ma tqumx. Ara ma tqumx għax fuqek naħlih.
Pulizija ‘control room’: Hello.
Sheehan: Hello.
Pulizija ‘control room’: Għidli.
Sheehan: Aw taħt il-mini. Sparajt fuqu jien diġa.
Pulizija ‘control room’: Inti min inti?
Sheehan: 533, ix-xufier tal-Minsitru Mallia.
Pulizija ‘control room’: Fejn qiegħdin intom?
Sheehan: Aw, waslu, waslu tal-RIU.
Pulizija ‘control room’: Fejn qiegħdin?
Sheehan: Issa jekk tistgħu qabduni mal-Ministru, qiegħed id-Depot il-Ministru.
Pulizija ‘control room’: Fejn qiegħdin intom?
Sheehan: Taħt il-mini ta’ Santa Venera.
Pulizija ‘control room’: Taħt il-mini ta’ Santa Venera… suq.
Sheehan: Regional Road, fejn il-Madonna, ġejjin lejn il-Marsa.
Pulizija ‘control room’: Regional Road, fejn il-Madonna, ġejjin lejn il-Marsa.
Sheehan: Inżlu, inżlu minn hemm.
Pulizija ‘control room’: Hemm xi unit minn tagħna, waslu?
Sheehan: Iva.
(It-telefonata qiegħda on hold)
21.02 – Ir-raba’ telefonata – Ix-xufier tal-Ministru Mallia jerġa’ jċempel 112 għar-raba’ darba
Sheehan: Ħares, dan faqgħali l-karozza tal-Minsitru, kelli t-tifla miegħi, sparajt ġiex tiri fuqu għax ħarabli, le biex tkunu tafu
Sheehan jinstema’ jitkellem ma’ oħrajn: Hawn fejn il-bieb tal-Gżira. Startjahieli naqra għax fiha anke l-bullets, għax bħalissa hekk qiegħed
Pulizija ‘control room’: Glen
Sheehan: Hello
Pulizija ‘control room’: Glen?
Sheehan: Le hi, 533 jien.
Pulizija ‘control room’: 533, il-pulizija?
Sheehan: Iva
Pulizija ‘control room’: Żomm il-linja ħa ngħaddik waħda mal-pulizija tal-RIU li ġej fuq il-post. Żomm il-linja.
Sheehan: Hawnhekk diġa hawn pulizija tal-RIU.
Pulizija ‘control room’: Min hemm ħdejk? Nista’ nkun naf min hemm ħdejk?
Sheehan: Mela, 1359.
Pulizija ‘control room’: Il-1359?
Sheehan: Issa jien jekk jista’ jkun hemm il-Minsitru d-Depot, irrid ninfurmah x’ġara u x’ma ġarax, għax dak kelli t-tifla tiegħu miegħi.
Pulizija ‘control room’: Aħna ma nafux x’ġara u x’ma ġarax eżatti?
Sheehan: Tini cans. Dan faqgħali l-karozza tal-Minsitru.
Pulizija ‘control room’: Faqagħlek il-karozza tal-Minstru dan ir-raġel.
Sheehan: Iva. Ħarabli u sparajt ġiex tiri.
Pulizija ‘control room’: Inti?
Sheehan: Ehe, għax ħarabli.
Pulizija ‘control room’: Orrajt. Fuq il-karozza tal-Ministru spara dan?
Sheehan: Le. Jien sparajt fuqu.
Pulizija ‘control room’: Le, hu ħabatlek ġol-karozza tal-Minsitru, baqa’ dieħel ġo fiha, apposta jiġifieri dan?
Sheehan: Baqa’ sejjer, naħseb f’sakra mejjet kien.
Pulizija ‘control room’: Imbagħad sakemm qbadtu inti?
Sheehan: Ġrejt warajh bil-karozza tal-Ministru.
Pulizija ‘control room’: Orrajt, fhimtek kollox sew. Iddealja waħda ma’ tal-RIU, ħa ngħaddi l-informazzjoni lis-Surġenta.
Sheehan: Ħares, jekk tista’ qabduni mal-Minsitru biss, qiegħed hemmhekk il-Minsitru.
Pulizija ‘control room’: Issa nerġgħu inċemplulek aktar tard filkaz, orrajt, jew ċempel aktar tard int minn naħa tiegħek. Ikkalma naqra. Orrajt hi.
Sheehan: Ċaw.
Pulizija ‘control room’: Ċaw.