Konsumatur
Jiżdied il-prezz tal-wipes, il-paracetamol u l-laħam – l-Awtorità tal-Konsumatur qed tinvestiga

Id-Direttur tal-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Odette Vella, ikkonfermat ma’ Television Malta li qed jirċievu lmenti dwar żieda fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti fosthom diżinfettanti, sanitizers, wipes, maskri tal-wiċċ, prodotti tal-ikel bħal-laħam u mediċini bażiċi bħall-paracetamol.

F’dan l-isfond, il-President tal-Għaqda tal-Konsumaturi, Benny Borg Bonello, wera l-fehma li s-suq m’għandux jibqa’ jsuq f’realtà straordinarja bħal din u ħeġġeġ lill-Gvern biex jikkontrolla l-prezzijiet tal-prodotti jekk ikomplu jisplodu ‘l fuq.

Il-pandemija ġabet miżerja għal ħafna u għal uħud, li setgħu japprofittaw irwieħhom mill-prezzijiet, tidher li ġabet bonanza. Mindu faqqgħet l-imxija tal-Coronavirus f’Malta, l-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur irċeviet bosta lmenti dwar żieda fil-prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi.

Id-Direttur tal-MCCAA, Odette Vella, qalet li l-ilmenti kienu dwar il-prezzijiet ta’ prodotti varji . . . mil-laħam sa ċerti mediċini.

”L-iktar ilmenti li kellna rigward maskri u sanitizers. Kellna wkoll uħud rigward ċerti prodotti tal-ikel u li semmejt l-ewwel il-mediċina bħall-paracetamol li kien hemm xi żidiet fil-prezzijiet ta’ dik il-mediċina partikolari.”

Is-Sinjura Vella qalet li l-Awtorità għaddejja b’eżerċizzju biex tistabilixxi l-fatti.

”Jekk hux min-naħa tal-ħwienet partikolari li jkunu għollew il-prezzijiet huma jew inkella tkun ġejja min-naħa tal-importaturi għax tkun qed tirrifletti żieda ta’ prezzijiet minn barra wkoll.”

Il-President tal-Għaqda tal-Konsumaturi, Benny Borg Bonello, wera l-fehma li fiċ-ċirkustanzi tal-lum, il-Gvern ma jistax joqgħod b’idejh fuq żaqqu quddiem inflazzjoni artifiċjali.

”Jekk jara l-Gvern li ċerti prezzijiet qegħdin jogħlew hemmhekk għandu jintervjeni.”

Is-Sur Borg Bonello iżda wissa biex in-nies ma jixtrux ħafna affarijiet f’salt.

”L-affarijiet, int għadek tixtri bħan-normal. Jekk inti tixtri normali dawn l-affarijiet jonqsu.”

Anke l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili fi stqarrija qalu li f’sitwazzjoni bħal din huma favur kontroll tal-prezzijiet u sostnew li f’emerġenza bħal din, diġà hemm bażi legali biex tkun tista’ tiġi attwata miżura ta’ kontroll tal-prezzijiet għal żmien limitat.