Jiżdied in-numru ta’ persuni li jattendu n-National Screening Unit grazzi għall-Kampanja Pink October

Waqt il-Programm ‘Popolin’ ġiet diskussa il-kampanja ta’ Pink October u Movember. Din il-kampanja tenfasizza l-importanza li kull wieħed u waħda minna titgħallem x’inhuma s-sintomi ta’ dan il-mard serju, filwaqt li nieħdu d-drawwa niċċekkjaw lilna n-nfusna.

Is-Sinjura Michelle Muscat f‘isem Marigold Foundation spjegat li l-kampanja ta’ Pink October hija waħda nazzjonali li tgħaqqad flimkien diversi NGOs b’vuċi waħda biex jiżdied l-għarfien fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Is-Sinjura Muscat spjegat li l-ħsieb ewlieni wara din il-kampanja huwa wieħed edukattiv biex il-ġenerazzjonijiet li ġejjien jikbru mingħajr il-biza’ li jitkellmu fuq dan is-suġġett u bl-għarfien ta’ kif u x’għandu jsir biex wieħed jiċċekkja lilu nnifsu. Fil-fatt minn sena għal oħra l-ammont ta’ nies li jagħmlu użu minn check-ups b’xejn offruti mill-Gvern qiegħed jiżdied.

Din is-sena l-kampanja żiedet fil-profil tagħha, għaliex apparti l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider qed jiġu nklużi wkoll il-kanċer tal-għonq tal-utru u l-kanċer fl-ovarji. Is-Sinjura Muscat spjegat li fis-snin li ġejjien din il-kampanja ser tkompli tikber. Din is-sena żdied ukoll l-għarfien fejn jidħol il-kanċer fl-irġiel. Hija tkellmet fuq il-fatt li l-kanċer tas-sider fl-irġiel huwa iktar komuni f’etajiet kbar, filwaqt li l-kanċer testikulari jista’ jolqot ukoll ġuvintur żgħar ta’ ħmistax-il sena. “Meta jkollok raġel jew tifel, li jkollu l-kanċer tas-sider, iktar iħossu mistħi biss aħna għalhekk qegħdin hawn biex inwasslu l-messaġġ li ħadd ma għandu għalfejn jistħi jew jiddejjaq jitkellem”.