Infrastruttura
Jiżdied ir-ramel fil-bajja tal-Balluta biex tikber

Bdiet tidher sew l-ewwel roqgħa kbira ta’ ramel fil-bajja tal-Balluta wara li matul din il-ġimgħa bdew xogħlijiet ta’ riġinerazzjoni biex din il-bajja terġa’ lura għall-glorja tagħha bħala bajja ramlija kif kienet snin ilu. TVM mar fil-Pjazza tal-Balluta u tkellem ma’ parruċċani dwar il-bajja ta’ tfulithom u kif taħsibha l-komunità kummerċjali dwar il-proġett.

Fl-aħħar jiem, żewġ braken u tagħmir ieħor iddominaw il-Bajja tal-Balluta, bejn Tas-Sliema u San Ġiljan. Dan biex jitwettaq proġett mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u l-Awtorità tat-Turiżmu biex tiġi riġenerata l-bajja. Ramel minn qiegħ il-baħar f’nofs il-bajja ttella’ fuq il-braken li wassluh lejn ix-xatt biex qed tiġi ffurmata bajja ramlija akbar. Ritratti mill-imgħoddi juru li ż-żona bir-ramel kienet akbar milli jafuha ħafna fl-aħħar snin, fejn kważi kważi l-post tilef l-isem ta’ bajja. F’mixja max-xatt sibna diversi parruċċani li qalu li r-riġinerazzjoni li qed issir ġabitilhom nostalġija għal kif kienet il-bajja dari.

Freddie Mizzi qal li “kelli xi sitt snin dak iż-żmien – konna għadna żgħar hux – għamilhom, għandi 77 sena. Konna niġu nilagħbu l-futbol hawnhekk. Kien spot tajba għalina. Konna niddevertu fuqha”.

Stephen Gauci stqarr li “niftakar li mill-Balluta Pitch ta’ tfal li konna naqsmu għal fuq din il-bajja mbagħad konna nitilgħu nixtru l-granita tal-lumi Alla jaħfirlu mingħand Pawlu imbagħad ninżlu nilagħbu l-futbol ma’ ommna u missirijietna”.

“Minħabba ħafna ċirkustanzi r-ramel sparixxa u allura dik kienet ix-xewqa tagħna li din il-bajja nerġgħu ntuha r-ruħ; il-ħajja bħalma kienet fil-passat” qal Mario Amaira.

Sidien ta’ negozji fl-inħawi tal-Bajja tal-Balluta faħħru l-inizjattiva għax qalu li din il-parti tax-xtajta kienet mitluqa.

Annmarie Galea qalet li “bħala sid ta’ negozju naħseb li iva għandha tkun ħafna favorevoli għal dan il-post”.

Fabian Grech, sid ta’ ristorant, qal li ż-żona kienet tibki għal riġenerazzjoni għalkemm wera l-fehma li dax-xoghol seta sar fi zmien ieħor.

“Kienet meħtieġa … biex inkun qed ngħid kollox u biex inkun straight forward, il-fatt li qed issir bħal dan iż-żmien ma tantx naqbel miegħu. Waħda mir-raġunijiet hija li bħalissa t-turiżmu qiegħed fil-peak tiegħu u allura naħseb li setgħet issir naqra qabel. Il-fatt li qed tara braken u ħsejjes tal-krejnijiet ma tantx tagħmel sabiħ” qal Fabian Grech.

Max Zammit, kelliem għall-Ministeru tat-Turiżmu, qal li x-xoghol sar f’dan iż-żmien minħabba bosta kunsiderazzjonijiet.

“Għaddejjin sajf sħiħ bix-xogħlijiet fil-bajjiet anke fejn jidħol xogħol ta’ tisbiħ f’żoni ta’ madwar il-bajjiet u issa kien imiss lil Balluta li nagħmlu x-xogħol b’mod esperimentali. Dan huwa xi ħaġa li qed nippruvaw għall-ewwel darba u tajjeb li ngħidu wkoll li għall-weekend tal-festa x-xogħlijet ser jieqfu hawn jitgawda mill-parruċċani għal dan il-weekend” qal Max Zammit.

Is-Sur Zammit qal li inizjattivi bħal dawn fejn il-bajja se tkun akbar u isbaħ, ikomplu jsaħħu l-prodott turistiku Malti, għax hafna turisti ifittxu bajjiet ramlin li Malta mhumiex daqstant abbundanti.