Lokali
Jiżdied is-servizz tat-trasport pubbliku bejn San Ġiljan u l-Belt Valletta

Is-servizz tar-rotta tat-trasport pubbliku bejn San Ġiljan u l-Belt Valletta u viċe versa se jiżdied mill-Erbgħa 22 ta’ Marzu li ġej.

Ir-rotta N13 se tibda topera mill-Belt Valletta lejn San Ġiljan bejn il-23:30 u s-1:10 u minn San Ġiljan għal Belt Valletta bejn 23:50 u s-1:30 kull 20 minuta nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd filgħaxija. Din ir-rotta se tkompli topera kif inhi fil-preżent bejn il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija.

“Mill-kummenti li rċevejna mill-passiġġieri, qed nestendu l-iżjed rotta popolari ta’ filgħaxija għal erbat iljiel fil-ġimgħa,” spjega Daniel Grech, id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport.

“Dan hu servizz li qed noffru lil hinn mill-obbligli kuntrattwali tagħna, bil-għan li noffru vjaġġar għal matul il-lejl ta’ valur għal flus lill-passiġġieri,” qal Grech.

Mhux se jkun hemm l-ebda’ bidla fir-rotot l-oħra ta’ filgħaxija: N11, bejn iċ-Ċirkewwa u San Ġiljan, N10 bejn San Ġiljan u l-lokalitajiet fin-nofsinhar tal-pajjiz; u N12 bejn San Ġiljan u l-lokalitajiet ċentrali.

Mhux se jkun hemm l-ebda’ bidla fin-noll għas-servizz ta’ filgħaxija, li huwa €3 għal biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozza tal-linja jew €2.50 għall-passiġġieri li jużaw it-tallinja card.

Aktar informazzjoni fuq rotot u skedi tinstab fuq il-websajt ta’ Malta Public Transport www.publictransport.com.mt.