COVID-19
Jiżdiedu 3 pazjenti oħra bil-Coronavirus f’Malta – b’kollox 21 każ

Żewġ żgħażagħ Maltin li kienu l-Irlanda u żagħżugħ Portugiż żdiedu mal-lista tal-persuni f’Malta nstabu li għandhom il-Coronavirus. B’hekk sa nofsinhar, Malta kellha 21 każ ta’ pazjenti Maltin u barranin bil-Covid-19 li minnhom, tnejn diġà huma kkunsidrati bħala mfejqa u m’għadhomx miżmuma f’iżolament fl-isptar, għalkemm għadhom fi kwarantina f’darhom. Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li s’issa l-awtoritajiet tas-saħħa m’għandhom l-ebda każ ta’ trażmissjoni lokali tal-virus.

L-aħħar każijiet ta’ Coronavirus irrapportati mill-awtoritajiet tas-saħħa sal-Ħadd f’nofsinhar huma ta’ żewġ Maltin li fl-aħħar jiem kienu msefrin u ta’ Portugiż li ġie Malta jfittex xogħol. Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li ġuvni Malti ta’ 23 sena, li jaħdem fil-qasam tas-saħħa, mar Dublin fis-7 ta’ Marzu. Il-Professur Gauci spjegat li erbat ijiem wara li ġie lura Malta, beda bis-sintomi u mar fi kwarantina u ma baqax imur għax-xogħol. Il-Professur Gauci spjegat li l-familjari u l-kollegi tiegħu qegħdin kollha fi kwarantina.

”Mill-assessment li għamilna, dan il-pazjent ma kellux kuntatt mal-ebda pazjenti għal iktar minn 15-il minuta face u to face u lanqas ma kien fl-istess kamra ma’ pazjenti oħrajn għal iktar minn sagħtejn. Allura l-indikazzjonijiet kienu biss li kien hemm dawk il-kollegi tiegħu li kienu f’kuntatt miegħu u li seta’ kellhom exposure, u dawn mill-bieraħ stess poġġejniehom kwarantina. Qegħdin id-dar. Ma jidħlux l-isptar u ma joħorġux.”

Il-Professur Gauci qalet li l-Malti l-ieħor, li huwa student universitarju ta’ 20 sena, ukoll mar Dublin fil-5 ta’ Marzu u jumejn wara li ġie lura beda bis-sogħla u d-deni. Qalet li hu attenda lecture fl-Università u għalhekk qed isiru testijiet fuq studenti li seta’ kellu kuntatt magħhom.

Il-Professur Gauci qalet li t-tielet każ ġdid ta’ Coronavirus huwa ta’ Portugiż ta’ 21 sena li ġie Malta minn Spanja jfittex xogħol. Żiedet tgħid li jumejn wara li wasal Malta, kellu s-sintomi u qagħad fi kwarantina minn jeddu flimkien mat-tfajla tiegħu. Qalet li saru testijiet fuq it-tfajla tiegħu li rriżultaw fin-negattiv.

Il-Professur Gauci qalet li saru iktar minn 720 test fuq persuni li kellhom is-sintomi u li ġew mis-safar. Qalet li minn dawn, 21 persuna biss irriżultaw li għandhom il-Covid-19. Hi saħqet li s’issa l-każijiet kollha kienu impurtati.

Il-Professur Gauci ħabbret it-tieni fejqan minn fost dawn il-21 każ. Qalet li r-raġel Taljan li kellu l-virus fieq u issa se jibqa’ jiġi segwit waqt li jibqa’ kwarantina d-dar.

”Il-każi li kellna s’issa kollha kienu nies ta’ età żgħira, ma kellhomx kundizzjonijiet mediċi li setgħu jitfgħuhom f’riskju u allura s’issa l-każi kollha kienu f’sitwazzjoni tajba. Fil-fatt il-każi kważi kollha seta’ ġew ikkurati d-dar però aħna żammejniehom l-isptar biex inkunu nistgħu nagħmlu żgur li nikkurawhom.”

Il-Professur Gauci spjegat li ġeneralment il-virus jittieħed minn persuna għall-oħra meta jkun hemm l-ewwel sintomi. Saħqet biex min kellu xi kuntatt ma’ persuni bil-Coronavirus isegwi l-kwarantina obbligatorja. Qalet li dawn għandhom iċemplu fuq il-111 biex jitkellmu ma’ tabib u ma jmorrux fiċ-ċentri tas-saħħa jew fl-ispiżeriji.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Lokali

Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment se jingħalaq u l-aġenti ġew infurmati biex ma jaċċettawx iżjed applikazzjonijiet. Minflok ser isiru regolamenti ġodda dwar ir-residenza b’żewġ saffi. Saff minhom jagħti dritt lil persuni li…

Aktar