Turiżmu
Jiżdiedu bi 8.3% t-turisti li żaru Malta f’Novembru

L-aħħar ċifri dwar l-għadd ta’ turisti li żaru Malta f’Novembru li għadda juru żieda ta’ 8.3% meta mqabbel ma’ Novembru tal-2018.

Iċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Novembru ġew Malta aktar minn 191,000 turist, b’24,000 minnhom ġew Malta għan-negozju.

L-iljieli li t-turisti qattgħu f’Malta żdiedu b’9% fil-mija, u tnejn minn kull tliet turisti li żaru Malta qagħdu fil-lukandi. Skont iċ-ċifri tal-NSO, f’Novembru t-turisti nefqu f’Malta €136 miljun, 10% aktar minn Novembru tal-2018.

B’hekk fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena li għaddiet, ġew Malta aktar minn 2.6 miljun turist; żieda ta’ 5.3%  meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2018.

Ras għal ras kull turist nefaq €814 tul il-btala f’Malta, tnaqqis marġinali ta’ 0.4% meta mqabbel mal-2018.