Jiżdiedu b’rata mgħaġġla mill-1984 il-gassijiet ħżiena fl-atmosfera

Ċifri ġodda juru li żieda fil-livelli ta’ gass fl-atmosfera magħruf bħala ‘carbon dioxide’ CO2 rriżulta f’livelli rekord fl-2013.

Sar magħruf li konċentrazzjoni ta’ dan il-gass fl-atmosfera żdied bl-aktar rata mgħaġġla mill-1984 bejn l-2012 u l-2013.

L-Organizazzjoni Dinjija Meteoroloġika qalet li hemm ħtieġa għal trattat globali dwar il-klima.

Ir-rapport annwali ta’ din l-organizazzjoni ma jkejjilx l-emissjonijiet mill-power station iżda minflok jistudja kemm il-gassijiet li jgħamlu ħsara lill-ambjent idumu fl-atmosfera.

Madwar nofs l-emissjonijiet kollha jittieħdu mill-ibħra, mis-siġar u minn ħlejjaq.

Skont ir-rapport, il-medja ta’ ‘carbon dioxide fl-2013 laħaq 396 parts per million (ppm) – żieda ta’ kważi 3 ppm fuq is-sena ta’ qabel.

Il-‘carbon dioxide’ fl-atmosfera issa laħaq 142 fil-mija tal-livelli fl-1750 qabel bdiet ir-revoluzzjoni industrijali. 

Iżda t-temperatura globali medja ma żdiditx pari passu skont iż-żieda fil-‘carbon dioxide’.

Dan wassal lil ħafna biex jargumentaw li l-fenomenu tal-‘global warming’ waqaf.

Iżda esperti jsostnu li għalkemm iż-żieda fis-CO2 mhix riflessa fit-temperatura fl-atmosfera, tinħass definittivament fit-temperatura tal-oċejani.