Lokali
Jiżdiedu ċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Covid-19 aċċettati f’Malta

Mil-lum, it-23 ta’ Settembru, f’Malta se jkunu qed jiġu rikonoxxuti anki ċ-ċertifikati diġitali tal-Kuwajt u tas-Singapore.

Dan ħabbruh l-awtoritajiet tas-saħħa u tat-turiżmu fi stqarrija, li qalu li dawn iċ-ċertifikati se jkunu rikonoxxuti b’tilqim approvat mill-Awtorità Ewropea għall-Mediċini, ikun kors sħiħ u jkunu għaddew 14-il ġurnata mill-aħħar doża.

Bħalissa, Malta qed tirrikonoxxi ċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea u tal-Iżvizzera, tat-Turkija, tal-Emirati Għarab Magħquda, tar-Renju Unit, tas-Serbja, ta’ Ġibiltà, ta’ Jersey, ta’ Guernsey, tal-Qatar, tal-Albania, tal-Awstralja, tal-Kanada, tal-Eġittu, tal-Lebanon u kif ukoll ir-record card tal-Istati Uniti.