Qorti
“M’hemmx x’tagħmel” – ir-reazzjoni ta’ Liam Debono lill-Pulizija

Talba oħra mid-difiża biex Liam Debono li jinsab akkużat fost oħrajn bl-attentat tal-qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri reġgħet ġiet miċħuda waqt li Debono issa jinsab akkużat 47 akkuża wara li l-Pulizija resqet akkużi ġodda kontrih. Mix-xhieda ħareġ li l-kuntistabbli Schembri seta’ tilef ħajtu li kieku mhux għax sarulu intervent mediku mill-ewwel. Ħareġ ukoll li Debono ma wera ebda emozzjoni meta ġie arrestat u infurmat li kien għoddu qatel lil Schembri.

It-tabib Forensiku Mario Scerri ta diskrizzjoni grafika tal-ġrieħi li ġarrab il-kuntistabbli Simon Schembri wara li safa’ mtajjar u mkaxkar mill-karozza misjuqa minn Liam Debono. Dr Scerri kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Liam Debono li jinsab mnixli fost oħrajn bl-attentat tal-qtil ta’ Schembri. Dr Scerri xehed li l-kuntistabbli Schembri seta’ tilef ħajtu kieku ma sarx l-intervent mediku fuqu mill-ewwel.

Fil-bidu tas-seduta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Fabian Fleri, Pierguido Saliba u Chantelle Casha żiedet numru ta’ akkużi oħra biex issa Debono qed jiffaċċja 47 akkuża bl-aktar waħda gravi tibqa’ dik tal-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri.

L-ispettur Saliba qal li l-akkużi l-ġodda jinvolvu reati li allegatament wettaq Debono bl-istess Mercedes li biha tgħajjar lill-Kuntistabbli Schembri. L-akkużi l-ġodda ħarġu mill-investigazzjonijiet li saret mill-esperti tal-Qorti fosthom li Debono laqat karozza u baqa’ sejjer, in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura kien falz u li l-vettura suppost ma tinstaqx fit-triq kif ukoll ma kellhiex polza ta’ assigurazzjoni.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bid-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qalet li peress li l-kumpilazzjoni bdiet mill-ġdid talbet il-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Il-Maġistrat Mifsud ċaħad it-talba. Fis-seduta xehdu diversi membri tal-korp fosthom mil-control room kif ukoll membri tar-Rapid Intervent Unit li arrestaw lil Debono ftit wara li tajjar lil Kuntistabbli Schembri.

Il-kuntistabbli Christopher Debrincat mir-RIU xehed fost oħrajn li meta arrestaw lil Debono u informah li seta’ qatel lill-Kuntistabbli Schembri, l-akkużat wieġeb “Heqq m’hemmx x’tagħmel” mingħajr ebda emozzjoni. Il-kuntistabbli Clayton Azzopardi kkonferma dan u żied jgħid li l-akkużat qalilhom li beda jserrep il-karozza biex jipprova jaqla’ lill-Kuntistabbli Schembri minn taħtha.

Il-kuntistabbli Schembri mistenni jagħti x-xhieda tiegħu aktar tard dan ix-xahar.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Supporters tat-timijiet ta’ Newcastle United, Aston Villa, u West Ham United għandhom okkażjoni unika biex jiltaqgħu ma’ Nolberto Solano, imwieled il-Perù magħruf ukoll bħala Nobby Solano. F’Malta, hu se jagħmel taħdita…

Politika Lokali

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li mill-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant l-aktar ħaġa xokkanti hi kif xi ħadd b’mod deliberat u ppjanat iffalsifika dokumenti bil-għan li jagħmel…

Politika Lokali

F’ittra lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli qalet li l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil m’għadhiex tenibbli wara r-riżultati tal-inkjesta fil-każ ta’ Egrant. Hija qalet li, il-pożizzjoni ta’…

Lokali

Occupy Justice u Awturi qalu li jinsabu tassew iddispjaċuti jaraw l-alleanza politika bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni tikkonsolida ruħha biex tinħeba l-verità u titbiegħed il-ġustizzja. Fi stqarrija, qalu li hu dmir…

Aktar