LGBTIQ
Jiżdiedu l-istati Amerikani li qed iżommu tfal trans milli jikkompetu fi sport mal-ġeneru oppost

Fl-Istati Uniti komplew jiżdiedu l-istati li qed ibiddlu l-liġi biex subien li jidentifikaw lilhom infushom bħala bniet ma jitħallewx jipparteċipaw fi sports ma’ bniet oħra fl-iskejjel u l-kulleġġi.

Florida kien l-aħħar stat li ħa din d-deċiżjoni biex ingħaqad ma’  Alabama, Arkansas, Mississippi, Montana, Tennessee u West Virginia li għamlu l-istess din is-sena.

L-ewwel stat li ħa dan il-pass kien Idaho fl-2020 u warajh segwew mat-30 stat għalkemm id-deċiżjoni ġiet sospiża b’deċiżjoni tal-Qorti Amerikana.

L-istati li bidlu l-liġi għandhom gvernaturi Repubblikani. B’mod ġenerali r-Repubblikani qed jopponu lill-President Joe Biden, li huwa Demokratiku, milli jdaħħal ċertu liġijiet favur aktar inklużjoni.

Waqt li l-President Biden qed jinsisti li ħadd m’għandu jiġi diskriminat minħabba s-sess, attivisti Repubblikani jemmnu li jekk transgender bniet jieħdu sehem fi sports mal-bniet ikollhom vantaġġ fiżiku li mhux ġust.

Il-Gvernatur ta’ Florida Ron DeSantis insista li fl-istat li jmexxi l-bniet se jilagħbu sports tal-bniet u s-subien sports tas-subien.

Attivisti favur il-komunità LGBTIQ qed jiddeskrivu din is-sena bħala l-agħar waħda fejn jidħlu liġijiet li jolqtu ħażin lill-persuni gays u transgender.