Edukazzjoni
Jiżdiedu l-istudenti li jixtiequ jkomplu jimirħu fl-istudji l-ITS

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi qal li wara kampanija li nieda żdied sew l-interess għal korsijiet full-time li joffri. L-ITS qal li kellu żieda ta’ iktar minn 50% fl-applikazzjonijiet meta mqabbel mas-sena l-oħra. F’kummenti lil TVM, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan huwa ta’ inkoraġġament għax juri li qed ikompli jikber l-interess f’karrieri fl-industrija tat-turiżmu.

Għas-sena akkademika li jmiss, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS irċieva applikazzjonijiet rekord, b’żieda ta’ 53% għal programmi full-time meta mqabbel mas-sena l-oħra. L-akbar għadd ta applikazzjonijiet mill-istudenti prospettivi saru għal korsijiet li jwasslu għal Ċertifikat fl-Ivjaġġar u t-Turiżmu, għal Diploma Nazzjonali Ogħla fl-Iggwidjar u għal Baċellerat fl-Arti Kulinarja, li huwa offrut b’kollaborazzjoni mal-Istitut Paul Bocuse fi Franza.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal li l-fatt li n-numru ta’ applikazzjonijiet għal korsijiet fl-ITS żdied sostanzjalment huwa inkoraġġanti ħafna. Dan huwa sinjal ċar li aktar u aktar studenti qed jitħajru mill-karrieri fis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu fejn id-domanda għal ħaddiema hija kbira,

Il-Ministru Mizzi qal “is-settur huwa importanti u qed jiġi diversifikat. Illum mhux biss għandu l-food and beverage preperation, il-front office u l-marketing għandu l-events, l-hospitality management, l-organization of tours. Hemm affarijiet differenti ħafna u l-istudenti qed jilqgħu din l-offerta tagħna u fil-fatt 250 applikant ġdid applikaw għal korsijiet fl-ITS”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech qal li l-ITS huwa kuntent ħafna b’din iż-żieda ta’ studenti ġodda, li għażlu li jafdaw l-ITS biex jibdew jew ikomplu l-istudji tagħhom fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Huwa qal li dan huwa sinjal ċar li aktar studenti qed jitħajru mill-karrieri fis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu.

Il-Ministru Mizzi stqarr iżda li għad hemm sezzjonijiet ta’ dan is-settur li mhux iħajru żgħażagħ Maltin. “Hija realtà li iva inqas Maltin qed jaħdmu fis-settur b’mod partikolari fis-service part tas-settur fejn għandek xiftijiet daqsxejn iebsin u fejn forsi għandek xogħol fil-weekend ukoll. Ir-realtà bilfors għandna bżonn ċertu nies minn barra però huwa punt importanti wkoll li bħala ITS fis-sena ħarriġna 1,000 impjegat tal-lukandi madwar Malta u ħafna minnhom kienu barranin u fl-ITS ħarriġniehom fi programmi speċjalizzati biex jitgħallmu dwar l-ikel Malti dwar il-kultrura Maltija”.

Minħabba diversi talbiet, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi estenda ż-żmien u ser jibqa’ jilqa’ l-applikazzjonijiet sal-31 ta’ Awwissu 2019.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Fl-1996, tfajla ta’ 17-il sena li kellha storja xi tgħid waslet sal-fażi finali tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa, ħarġet fuq il-palk u tat prestazzjoni mill-isbaħ ta’ kanzunetta bi stil pop r’n’b…

Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Aktar