Qorti
Jiżżewweġ Russa wara li ltaqgħu fuq ‘dating site’ u taħrab minn Malta xahar wara li selħitu

Il-Qorti tal-familja laqgħet it-talba ta’ Malti u ddikjarat iż-żwieġ tiegħu ma’ mara Russa bħal null wara qieset li dan sar biss għall-konvenjenza tal-mara li riedet takkwista ċ-ċittadinanza Maltija biex tkun tista’ tmur f’pajjiżi Ewropej u sabiex teħodlu ġidu.

Fil-Qorti tal-Familja nstema’ kif ir-raġel u l-mara żżewġu fi Frar tal-2018 iżda ż-żwieġ tagħhom dam biss xahar. Kollox beda fl-2016 meta ltaqgħu fuq dating site u bdew jitkellmu permezz ta’ Skype. Ir-raġel xehed li tliet xhur wara ġiet Malta u għamlet jiem tgħix miegħu qabel telqet lura pajjiżha. Qal li qabel iż-żwieġ kien jagħtiha bejn €500 u €1,000 u riedet li jeqleb id-dar fuqha. Hija kienet qaltlu li taħdem bħala professur fi sptar u riedet tibqa’ miegħu.

Meta ġiet lura wrietu li riedet li r-relazzjoni tagħhom tiżviluppa tant li kienet issajjar, tnaddaf u ddur bih. Xehed li fi tliet xhur ippjana ż-żwieġ tagħhom u ħa ħsieb kollox hu. Iżda kollox inbidel ta’ taħt fuq wara li żżewġu tant li ż-żwieġ bejniethom qatt ma ġie kkonsmat għax qatt ma riedet li jkollha x’taqsam sesswalment miegħu. Żied jgħid ftit ġimgħat li kienu ilhom miżżewġin, marret tgħix f’lukanda bla ma tagħtu raġuni. Iżda xorta baqgħet titolbu l-flus tant li taha madwar €7,000. Huwa żied jgħid li ma semax aktar b’aħbarha ftit aktar minn xahar wara li żżewġu meta sar jaf li telqet minn Malta għax ibnu kien inzertaha l-ajruport.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, innotat li ż-żwieġ kien purament ta’ konvenjenza għall-mara u li riedet tiżżewweġ biss biex tikseb il-Karta tal-Identità Maltija u b’hekk tkun ċittadina Ewropea. Qalet li l-mara kienet tqis lir-raġel bħala mezz ta’ gwadann finanzjarju.

Kien għalhekk li l-Qorti laqgħet it-talba u ddikjarat iż-żwieġ bħala null.