Barranin
Joe Biden beda jirtira deċiżjonijiet meħuda minn Donald Trump

Il-President elett Joe Biden, li se jieħu l-ġurament tal-ħatra llum bħala s-46 President tal-Istati Uniti, beda jirtira deċiżjonijiet meħuda minn Donald Tump.

Fost l-iktar deċiżjonijiet importanti hemm il-konferma tas-sħubija tal-Istati Uniti fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, is-sħubija mill-ġdid fil-ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, u l-irtirar tal-proklamazzjonijiet li waqqfu l-ivjaġġar minn għadd ta’ pajjiżi Musulmani.

It-tim ta’ Biden ħabbar ukoll li mil-lum se tibda sfida ta’ 100 jum; fejn il-poplu Amerikan qed jiġi mħeġġeġ jilbes il-maskra għal dan iż-żmien. Ara iktar hawn.

F’Washington DC llum hemm mal-25,000 suldat għassa minħabba ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni. Is-sigurtà hija waħda stretta ħafna wara l-irvelli fil-US Capitol iktar kmieni dan ix-xahar.

Fiċ-ċerimonja, li se tibda fis-6.00pm ħin ta’ Malta, se tkun qed tieħu wkoll il-ġurament Kamala Harris bħala l-ewwel Viċi President mara.

Donald Trump se jkun ir-raba’ President li ma jattendix għall-inawgurazzjoni tas-suċċessur tiegħu. Trump, li għadu m’aċċettax ir-riżultat elettorali, se jitlaq mill-White House u jaqbad titjira lejn Florida ftit qabel iċ-ċerimonja.

Ara wkoll:

ARA: Trump jgħid li kellu battalji iebsa u li ġġilidhom