COVID-19
Joe Biden iddikjara l-pandemija tal-Coronavirus bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu

Il-President elett Amerikan Joe Biden iddikjara l-pandemija tal-Coronavirus bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu. Intant, baqgħu deħlin il-messaġġi mill-mexxejja dinjin biex jifirħu lil Biden għal din ir-rebħa elettorali.

Il-President elett Amerikan Joe Biden iddikjara l-pandemija tal-coronavirus bħala waħda mill-prioritajiet tiegħu. Waqt li ħabbar l-ewwel passi tat-tim ta’ transizzjoni Biden qal li l-ewwel deċiżjonijiet se jkunu biex jiżdiedu t-testijiet tal-COVID fost il-poplu Amerikan u biex l-ilbies tal-maskra ikun mandatorju. Biden ħatar task force ta’ 12-il persuna li jikkonsistu fi xjenzjati u esperti biex imexxu d-deċiżjonijiet dwar l-imxija tal-COVID. Hu mistenni wkoll li Joe Biden se joħroġ ordnijiet eżekuttivi biex ibiddel miżuri li kien ħabbar Donald Trump. Dawn m’għandhomx bżonn l-approvazzjoni tal-Kungress Amerikan.

Fi sfond ieħor, Donald Trump għadu ma kkonċedix it-telfa u t-tim legali tiegħu qed iħejju biex iressqu numru ta’ kawżi dwar l-għadd tal-voti f’diversi stati.

Intant il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ferħet lill-President elett Joe Biden u appellat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jaħdmu flimkien waqt li għarfet li l-Unjoni Ewropea trid taħdem iktar biex tieħu ħsieb is-sigurtà tagħha. Merkel qalet li fost il-ħdima flimkien, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jridu jaħdmu biex jindirizzaw il-Coronavirus u t-terroriżmu.

Intant, partitarji ta’ Donald Trump, uħud minnhom armati bil-pistoli, inġabru barra ċentru tal-votazzjoni f’Arizona wara għidut li l-voti tal-kandidat Repubblika Trump ma ngħaddux apposta. B’għajjat ta’ Waqfu s-Serq u Għodd il-vot tiegħi, ħafna mid-diostranti urew ir-rabja kbira tagħhom hekk kif jekk f’Arizona jirbaħ Joe Biden id-Demokratiċi jiksbu 11-il vot elettorali.

Uffiċjali tal-elezzjoni insistew li mhuwiex minnu li l-voti ma ngħaddux. Sadanitant, sar magħruf ukoll li Pete Buttigieg li kien ukoll kontestant Demokratiku biex jingħażel il-kandidat Presidenzjali, ingħaqad mat-tim transitorju ta’ Joe Biden. Buttigieg li għandu missieru Malti, u serva bħala sindku ta’ South Bend jifforma parti minn dan it-tim transitorju li għandu 15-il membru.