Joe Mizzi: Il-prezz għas-servizz tat-trasport pubbliku se jkun affordabli
Il-Ministru tat-Trasport, Joe Mizzi qal li hu sodisfatt bil-mod kif sejrin it-taħdidiet mal-kumpanija Spanjola li għamlet l-aħjar offerta biex tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru qal li se jsiru aktar laqgħat fil-jiem li ġejjin.
Dwar l-offerta tal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, mingħajr ta d-dettalji, l-Ministru qal li kienet aħjar minn dik li tefgħet il-kumpanija Maltija.
Huwa qal li se jagħti d-dettalji fil-ġimgħat li ġejjin.
Huwa qal li s-sussidju li talbet għalih il-kumpanija Spanjola huwa ferm inqas mill-€45 miljun li talbet il-kumpanija Arriva biex tkompli taħdem qabel ma ntlaħaq il-ftehim bejn il-gvern u l-istess kumpanija li permezz tiegħu l-operat tat-trasport pubbliku għadda f’idejn il-gvern għall-perjodu sakemm jintgħażel l-operatur il-ġdid.
Mingħajr ma żvela kemm se jkunu qed iħallsu l-passiġieri għas-servizz tat-trapsort pubbliku, il-Ministru Mizzi qal li dan se jkun affordabli.
Il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, tkellem dwar dan wara konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministru responsabbli mill-affarijiet Marittimi tal-Greċja u ta’ Ċipru.

Fit-tielet laqgħa bejniethom, il-Ministri ddiskutew il-protezzjoni tal-ambjent marittimu, l-portijiet u taxxa fuq bastimenti.

Il-Ministri mistennija jkomplu jiddiskutu bil-għan li jsaħħu l-koperazzjoni bil-għan li l-interessi tat-tliet pajjiżi jkunu rappreżentati bl-aħjar mod fuq livell Ewropew u internazzjonali.