Reliġjon
Joffru €14,000 u jirbħu d-dritt li jerfgħu l-vara fl-Imġarr

Il-kuġini Louis u Wistin Vella, flimkien ma’ seħibhom Andrew Schembri, se jkunu r-reffiegħa tal-vara ta’ Santa Maria li tinħareġ b’entużjażmu u bil-pompa mill-knisja għall-purċissjoni waqt iċ-ċelebrazzjonijiet esterni tal-festa illejla.

Il-grupp offrew €14,000 biex iġorru l-vara, l-istess kif kienu għamlu s-sena l-oħra.

Louis Vella qal li “l-grupp jinżel kull sena fir-raħal, u daqqa neħduha aħna u daqqa jeħodha xi ħadd ieħor.. u min jeħodha, ħeqq din hija l-barka tiegħu, aħna nieħdu b’idejn xulxin u mmorru nieħdu drink x’imkien ta’ ħbieb hux.”

Emozzjonati u mdawra mill-paruċċini jifirħulhom biswit iz-zuntier tal-paroċċa, huma ddeskrivew it-tradizzjoni bħala waħda familjari li jipprovaw iżommu ħajja minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Vella qal li hija “Tradizzjoni kbira missierijietna u n-nanniet tagħna kienu involuti fiha… hija emozzjonanti u fl-istess ħin huwa unur kbir hux.”

It-tradizzjoni fl-Imġarr tmur lura għall-1922. Kienu saru xi xogħolijiet fuq il-vara ta’ Santa Marija iżda kien għad jonqos sittax-lira, ħames xelini u disa’ soldi x’jitħallsu li għamlu tajjeb għalihom il-benefatturi.

Fit-tieni sena li ħarġet il-purċissjoni waqt il-festa ta’ Santa Marija, ir-reffiegħa kienu mitlubin jagħmlu offerta minn rajhom u rnexxielhom jiġbru ftit iktar minn sbatax-il lira.

L-offerta tal-benefatturi flimkien mal-offerta li saret minn dawk li refgħu l-istatwa fl-1923 telgħat għal ftit iktar minn mija u tmenin lira u s-somma kienet mgħoddija lil kappillan biex ikun komplut il-proġett tal-bini tal-knisja.

Illum, kważi mitt sena wara, id-drawwa għadha tqanqal eċitament fost il-komunità tal-Imġarr, bil-gruppi ta’ reffiegħa jirbħu l-privileġġ li jerfgħu l-vara tal-Madonna waqt il-purċissjoni ta’ filgħaxija jekk joffru l-ikbar ammont ta’ flus. Il-kappillan Calciedon Vassallo jinsisti li t-tradizzjoni għandha tissejjaħ għotja u mhux irkant għax qal ir-reffiegħa ma jieħdu l-ebda gwadann ħlief li jkollhom il-preġju li jerfgħu l-vara tal-Madonna waqt il-purċissjoni ta’ filgħaxija.

IL-Kappillan Vassallo insista li r-reffiegħa ma jieħdu xejn. Qal li waqt irkant normalment ikun hemm xi ħaġa trid tixtriha u tħallas għaliha , dan mhux irkant biex jieħdu xi ħaġa, anzi biex jagħtu, jieħdu l-vjaġġ biss.

Il-Kappillan ikkonferma wkoll li kwart mis-somma flus li inġabret se tmur għall-Għaqda Biblika ta’ Malta li tippromovi t-tagħlim tal-bibbja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Esebizzjoni li żżewwaq il-figurattiv mas-surreali, il-pitturi ta’ Alfie Gatt jinstigaw u jnebbħu l-kilba għal dak li huwa naturali. “Love Letter” hija kollezzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi mimlija immaġinazzjoni. Alfie Gatt huwa…

Lokali

Heritage Malta qed tkompli bl-inizjattivi biex tagħti tifsira ħajja lis-siti storiċi li tamministra. Attività oħra f’din is-sensiela ser issir is-Sibt li ġej fil-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat fejn ser issir…

Edukazzjoni

Tliet elef, tliet mija u ħamsa u erbgħin persuna din is-sena se jiggradwaw mill-Università ta’ Malta f’livelli differenti li jibqgħu telgħin sa dottorat. Iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni jibdew nhar it-Tnejn u jibqgħu…

Lokali

L-isfidi prinċipali li qed jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u medji ġew diskussi f’seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem bħala parti minn kampanja Ewropea li qed tippromovi l-kultura intraprenditorjali. Il-President tal-Assoċjazzjoni…

Aktar