Lokali
Jogħla l-ħlas tal-VRT

Minn din il-ġimgħa daħlu fis-seħħ tariffi ġodda għat-test tal-VRT u fi żmien sentejn hemm il-ħsieb li ċerti muturi ikunu obbligati jibdew jagħmlu t-test. B’effett mill-ewwel tas-sena wkoll, is-suq ġie liberalizzat u għalhekk m’hemmx limitu fuq l-għadd ta’ operaturi li jistgħu jagħmlu dan it-test sakemm l-applikazzjoni taghhom tkun konformi mal-ligijiet inkluż tal-ippjanar.

Għoxrin sena wara li bdew isiru it-testijiet tal-VRT, il-ħlasijiet għal dawn it-testijiet għolew. Il-ħlas għal test tal-vetturi privati ogħla b’€5 għal ftit aktar minn €25, waqt li t-test tal-vetturi kummerċjali żdied b’€10. It-test se jerġa jiżdied b’€5 għall-vetturi kollha tliet snin oħra.

L-uffiċjal ta’ Transport Malta Vince Micallef Pule spjega r-raġunijiet wara dawn iż-żidiet.

“Għandek il-fatt li daħlet id-direttiva fl-2018 li ziedet ir-responsabiltajiet, il-livelli ta min jaghmel it-testijiet, il-kwalita tal-equipment li station ghandu bzonn ikollu u allura zdiedu l-ispejjeż. Dawn il-fatturi flimkien ma aspetti marbuta mal-liberalizzazjoni waslu ghal din iz-zieda gradwali li kienet ġiet stabbilita minn rapport li ġie ikkummissjonat mill-awtorita bi qbil mar-raprezentanti tas-settur fejn ġiet evalwata il-vijabilta tal-VRT u wasalna għall-ammont li nħass li hu fair bizzejjed kemm ghall-istazzjonijiet tal-VRT biex jibqghu vijabbli u li jhalli l-inqas impatt fuq il-konsumatur li jaghmel uzu minn dan is-servizz.”

Vetturi privati ġodda jagħmlu l-ewwel test tal-VRT wara erba’ snin fit-triq u jibqgħu jagħmluh kull sentejn. Meta dawn jaqbżu il-160,000 kilometru, it-test irid jibda jsir kull sena. Vetturi kummerċjali ġodda jagħmlu test tal-VRT wara sentejn fit-triq, u minn hemm il-quddiem jibqgħu jagħmlu t-test kull sena.

Is-Sur Micallef Pule qal li fi żmien sentejn oħra anke l-muturi minn 125 ċilindrata ‘il fuq, se jkunu obbligati jaghmlu t-test tal-VRT. Riforma oħra tolqot direttament lill-operaturi li jagħmlu t-test tal-VRT.

“Kull min għandu applikazzjoni pendenti mal-awtorità jew għad irid japplika jista’ jitfa applikazzjoni u jekk ikun konformi mal-liġi jista’ jiftah stazzjon tal-VRT. B’effett tal-liberalizzazjoni saret bidla fil-policy tal-PA li biex wieħed jiftah VRT station irid ikun essenzjalment f’żona industrijali.”

Bħalissa hemm 34 operatur liċenzjat li jagħmel it-testijiet tal-VRT. Bejniethom dawn jagħmlu madwar 200,000 test kull sena. Il-vetturi qed jiġu klassifikati fi skali differenti li jiddeterminaw jekk jgħaddux mit-test jew le.

Is-Sur Micallef Pule qal li vetturi kummerċjali li jkunu ilhom aktar minn 13-il sena fit-triq, l-aktar dawk diesel, għandhom ċans akbar li ma jgħaddux. Qal li s-sena l-oħra kien hemm madwar 2,200 vettura kummerċjali li wara li għaddew mit-test, reġgħu issejħu biex jagħmlu test ieħor għand l-awtorità stess.

Mistoqsi xi spezzjonijiet isiru fil-garaxxijiet li jagħmlu dawn it-testijiet, l-uffiċjal ta’ Transport Malta qal li l-awtorità tgħarbel it-testijiet li jkunu qed jagħmlu u tagħmel spezzjonijiet skond il-ħtieġa.

“Nanalizzaw l-istatistika li ġejja mill-VRT station – ir-rata ta’ fallimenti li jkollhom, in-numru ta’ testijiet li jkunu qed jagħmlu, rapporti fuq l-istazzjonijiet infushom minn individwi u riżultati ta’ spezzjonijiet li nwettqu bħala awtorità li tiddetermina li jkunu qed jimxu skont il-liġi”.

Is-Sur Micallef Pule qal li fl-aħħar tliet snin, l-awtorita rtirat il-liċenzja ta’ ħames operaturi minħabba nuqqasijiet li nstabu.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

In-nuqqas ta’ ilma f’żewġ skejjel tal-gvern f’Raħal Ġdid wasal biex il-union tal-għalliema, l-MUT ħarġet direttiva lill-edukaturi kollha fiż-żewġ skejjel primarji ta’ Raħal Ġdid biex minn għada ma jirrapurtawx għax-xogħol fiż-żewg…

Politika

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem appellat lill-Prim Ministru Robert Abela biex jintervjeni ħalli jiżgura li l-kumpaniji lokali kollha fl-industrija tal-films ma jkunux diskriminati u żvantaġġjati. L-Assoċjazzjoni għamlet dan l-appell wara li…

Trasport

F’kummenti ma’ Television Malta l-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li wasal iż-żmien li ssir diskussjoni dwar trasport sostenibli fil-Belt Valletta. Dr Borg qal li fid-dawl taż-żieda fl-attività ekonomika, kulturali u…

Politika

Fil-jiem li ġejjin ser jiġi preżentat fil-Kabinett tal-Ministri abbozz ta’ liġi ġdid rigward il-koabitazzjoni. Dan ħabbru l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis, li ltaqa’ għall-ewwel darba b’mod formali…

Aktar