Qorti
AĠĠORNAT(6): Edwin Brincat jgħid li l-eks Kummissarju pprova jitkixxef fuq ir-recordings ta’ Theuma

Seduta twila disa’ sigħat fil-qorti fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Yorgen Fenech, li jinsab mixli li kien il-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ix-xhud ewlieni kien Johann Cremona, li għandu konnessjoni ma’ Fenech fin-negozju, iżda fi kliem l-ispettur Keith Arnuad mhuwiex suspettat fid-delitt, iżda kien jaf ukoll mill-qrib lill-intermedjarju Melvi Theuma. Xehed ukoll Edwin Brincat li kien tkellem mal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar fuq ir-recordings li Theuma ha bil moħbi tal-akkużat.

Fi tmiem tas-seduta, il-Qorti, fuq talba tal-avukat Jason Azzopardi, ordnat li l-eks Kummissarju tal-pulizija Lawrence Cutajar jiġi investigat fuq il-bażi tax-xhieda li ngħatat, li fiha ġie allegat li kien informa lil Theuma bl-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin.

Cremona jixhed dwar il-laqgħat bejn Theuma u Kenneth Camilleri

Hekk kif illum issoktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, instemgħet ix-xhieda ta’ Johann Cremona, li qal li jaħdem fil-gaming u kien ilu bi sħab fin-negozju ma’ Yorgen Fenech mill-2011. Cremona qal li jopera parti min-negozju minn Portomaso u lil Melvin Theuma kien ilu jafu mill-2013 għax kien jikri ħanut tal-gaming mingħandu, u kienu f’ kuntatt kull xahrejn.

Cremona qal li f’Ġunju 2018, Kenneth Camilleri ġie għandu u qallu li jrid ikellem lil Melvin Theuma iżda ma qallux fuq xiex. Qal li ħadu viċin ir-residenza ta’ Theuma, u ċempillu biex jgħidlu li xi ħadd ried ikellmu. Qal li Theuma ltaqa’ magħhom ħdejn blokka appartamenti, u Camilleri u Theuma  bdew jitkellmu waqt li hu qagħad jitkellem ma’ missieru.

Qal li ra lil Camilleri jagħmel telefonata u ftit wara qallu biex imorru ‘l hemm. Kompla li l-għada Camilleri mar għandu x-xogħol iżda ma qallu xejn, u ftit wara ġie Theuma u qallu li kellu bżonn ikellem lil Camilleri. “Għidtlu kumbinazzjoni qiegħed ħdejja. Bdew jiddiskutu u jitkellmu bejniethom u jien bqajt fl-uffiċċju.” Qal li sema’ lil Melvin jidgħi, donnhom ma qablux fuq xi ħaġa, imbagħad infirdu.

Cremona kompla jgħid li l-għada reġa’ ċempel Theuma biex ikellem lil Camilleri. “Ċempiltlu u nzerta kien xogħol il-Belt u konna faċċata tal-Parlament. Kien hemm kafetterija u bdejna mexjin, u bdew jitkellmu bejniethom.” Cremona qal li sema’ lil Theuma jgħid: “Irranġawlhom għall-bail.” Cremona qal li mbagħad Theuma qallu li Camilleri kien qallu li lill-aħwa Degiorgio kien wiegħdhom il-bail.

Cremona qal li kien ikkonfronta lil Camilleri, u dan qallu differenti; li kien Theuma li talbu biex jipprova jirranġalhom għall-bail. Qal li ma kienx ċert imma assuma li dan kien dwar il-każ Caruana Galizia. Żied li xi jumejn wara Theuma mar għandu x-xogħol u hu staqsieh xinhu jiġri. “Qalli għax Keith Schembri u Yorgen Fenech tradewhom.”

Yorgen Fenech bagħtlu ritratt tal-intermedjarju bejn Chris Cardona u Alfred Degiorgio

Qal li Theuma beda jmur għandu kuljum u kien jgħidlu li qed jippruvaw jittraduh, xahar wara imbagħad semmielu lil Chris Cardona u David Gatt, u qallu li anki huma kienu involuti.  Żied li meta kellhom jaslu għall-ġuri, Theuma qallu li Cardona kellu “jlesti €400,000.”

Cremona qal li darba Fenech bagħtlu ritratt ta’ wieħed magħruf bħala l-Biglee, u qallu li dan kien l-intermedjarju bejn Cardona u Alfred Degiorgio l-Fulu. Cremona qal li huwa kien wera dan ir-ritratt lil Theuma. Kien intqal li l-Fulu rċieva xi flus mingħand nies viċin Cardona, u kien għalhekk li Fenech assuma li kien hemm persuni oħra involuti.

Kompla jgħid li Theuma qallu li kienu qabbduh Keith Schembri u Yorgen Fenech biex joqtlu lis-Sinjura Caruana Galizia. Qal li kien qed jippretendi li jieħu l-flus mingħand Fenech imma kien jgħidlu li ma kienx qed jaqbdu. Qal li kien jgħidlu wkoll li kellu kuntatt mal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, li kien iwissih li kellu problema ta’ ħasil ta’ flus u li l-Europol kienu jafu bir- recordings. “Kien ikun għarqan xraba u kien beżgħan,” qal Cremona dwar Theuma.

Cremona qal li minn Ġunju tal-2018 sa Ottubru 2019, Theuma kien imur l-uffiċċju jitlob il-flus, jgħidlu biex iċempel lil Camilleri u jhedded li se jmur Kastilja jikxifhom. Cremona qal li hu kien jivvinta xi storja biex jikkalmah u ma kienx iċempel, għax ma riedx ikun involut fil-każ. Qal li kien għamel mobile taparsi b’numru ta’ Camilleri biex jurih li mhux qed iwieġeb. “Melvin ma kienx f’postu, kellu depression kbira dak iż-żmien, kien jibki, jgħidli li l-aħwa Degiorgio kienu qed jitolbuh il-flus.”

Cremona qal li ma xtaqx jinvolvi ruħu fil-każ u tkellem biss ma’ qassis

Cremona qal li darba Yorgen Fenech qallu li Theuma wassallu messaġġ mingħand Mario Degiorgio biex imur ikellem lil xi ħadd minħabba Chris Cardona. Theuma qallu wkoll li l-aħwa Degiorgio kienu qalulu li mhumiex se jikxfuh. Cremona semma rapporti li dwaru fejn allegatament hu qal Vince Muscat kien se jikxef, u qal li dan ma kienx vera.

Meta l-Maġistrat staqsietu kif ma kellimx lil xi ħadd dwar il-każ, Cremona wieġeb li ħass li ma kellux jitkellem għax il-kwistjoni kienet kbira ħafna, u hu ma kienx involut u ma xtaqx jinvolvi ruħu. Qal li kien kellem biss lil qassis darba u qallu li la ma kienx involut ma kellu jgħid xejn.

Cremona qal li lill l-eks Kummissarju Cutajar Theuma kien semmgħalu r-recordings, u Theuma kien ġiegħlu jibgħat messaġġ lil Yorgen Fenech biex jgħidlu li “Melvin għandu r-recordings,” u qal li dan kellu jifhmu. Hawnhekk il-Maġistrat reġgħet staqsiet kif ma qal xejn, bi Cremona jwieġeb li kien għamel tliet xhur ma setax jorqod.

Qal li lil Theuma kellmu l-aħħar fil-11 ta’ Novembru. “Smajtu jirċievi telefonata li l-pulizija kienu se jagħmlulu rejd fis-16 ta’ Novembru,” qal Cremona, u żied li dak il-ħin Theuma beda jidgħi. Qal li kien ċert li ma kienx Yorgen Fenech li ċempillu.

Jgħid li Keith Schembri kellmu f’Settembru 2019 u staqsih dwar Yorgen Fenech

Cremona qal li Keith Schembri bagħat għalih f’Settembru tal-2019 u li din kienet l-ewwel darba li ltaqgħu. Qal li tkellmu dwar gaming iżda qabel telaq qabadlu fuq Yorgen Fenech. Qal li Schembri deher inkwetat fuq Fenech għax ma setax jaqbdu. Schembri qal lil Cremona biex jekk ikellem lil Fenech, jgħidlu li Keith Schembri ried ikellmu.

Jiftakar li Theuma kien qallu li kieku ried kien iqabbad lil Mario Degiorgio ma’ Yorgen Fenech, iżda m’għamilx hekk u b’hekk Cremona kkonkluda li Fenech u Degiorgio ma kinux jafu lil xulxin.

Cremona ċċara li Theuma qatt ma semma xi flus jew rigali b’assoċjazzjoni mal-eks Kummissarju Cutajar. Hawn kienet konkluża x-xhieda ta’ Johann Cremona, wara l-kontroeżami anki tad-difiża.

Jitla’ jixhed Edwin Brincat – jgħid li Theuma fetaħ qalbu u qallu li kien imdaħħal fil-qtil

Wara Cremona, il-Qorti sejħet għal xhud ieħor; Edwin Brincat magħruf bħala l-Ġojja. Brincat issemma fix-xhieda ta’ Cremona meta dan qal li Theuma kien jgħidlu li kien jiftaħ qalbu biss miegħu (Cremona) u mal-Ġojja. Brincat iżda ma setax jinstab, minkejja li l-Ispettur Arnaud qal li ra lil Brincat  barra l-awla. Iktar tard il-Qorti kienet infurmata li Brincat ma setax jibqa’ l-Qorti għax inqalgħalu xi ħaga, bil-Maġistrat Rachel Montebello toħroġ mandat t’arrest għali.

Meta nġieb fuq il-pedana tax-xhieda, Brincat qal li huwa autodealer, u ilu mit tmeninijiet. Lil Theuma ilu jafu xi tletin sena mill-korsa taż- żwiemel tal-Marsa, fejn kien jeħodlu ħsieb iż-żwiemel.

Qal li darba minnhom, kmieni filgħodu, Theuma tah l-aħbar li kien imdaħħal fil-każ ta’ Caruana Galizia. Brincat jgħid li sa dak il-mument hu ma kien jaf xejn dwar il-qtil. Qal li Theuma “kien jidher aġitat, jibki kemm jiflaħ. Ixxokkjani.” Żied li Theuma qallu li hu kien imqabbad minn Fenech biex jorganizza l-qtil tas-Sinjura Caruana Galiza, u qallu wkoll li kien qed jitkellem il-Koħħu u li se jieħu l-maħfra.

Brincat qal li lil Theuma wissieh li “se jidħol ġo sqaq li ma joħroġx minnu, maħfra u mhux maħfra.”  Tah parir biex juri lil Fenech li għandu r-recordings biex jipprova jirranġalu. Saħaq li hu kien jgħidlu biex jekk ma nqala’ xejn ma jagħmel xejn għax beda jassumi li mhux se jieħu maħfra.

Brincat jgħid li l-eks Kummissarju pprova jitkixxef fuq ir-recordings ta’ Theuma

Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Ispettur Arnaud, Brincat qal kif Theuma kien jgħidlu li jinsab imbeżża’ li se jeħilsu minnu. Qal li darba Theuma kien semmgħalu xi recordings, għax hu kien qallu li mhux qed jemmnu li għandu dawn ir-recordings. Brincat qal li Theuma kien ġab ċippa li daħħluha fil-kompjuter, iżda ma bediex jifhem x’qed jintqal għax beda jinstema’ ħafna tħaxwix. Lil Theuma qallu li talanqas bir-recordings għandu iktar saħħa ma’ Fenech.

Brincat kompla jgħid li kien qala’ ċitazzjoni inġustament u mar id-dar tal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien biex jipprova jirranġalu. Qal li dan staqsih jekk għadux ħabib ma’ Melvin Theuma, għax dan kien involut f’xi każ u kellu r-recordings. Brincat qal li l-eks Kummissarju talbu biex jipprova jieħu minn ras Theuma fejnhom dawn ir-recordings. Brincat qal li lil Cutajar qallu li ma kienx jaf dwar recordings ta’ Theuma. Żied li l-eks Kummisssrju Cutajar kien ċempillu biex jerġa’ jistaqsih dwar ir-recordings, iżda qal li pprova jiskartah, u lil Theuma wissieh l-Kummissarju kien jaf bir-recordings.

Ara wkoll:

Melvin Theuma jgħid li konvint li wara d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia riedu jeħilsu minnu

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħatar inkjesta skont il-liġi bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ każ fejn priġunier li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, kien rilaxxat mill-ħabs u deher…

Lokali

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost…

COVID-19

Tħassar ukoll il-kunċert ta’ Joseph Calleja li din is-sena kellu jsir fl-4 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana u li issa mistenni jsir f’format differenti. NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert li bħala…

Annimali

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li…

Aktar