Agrikultura
Joħlom li jiżviluppa n-negozju tal-biedja ta’ missieru biex jilqa’ t-turisti

Il-Buskett din is-sena baqa’ jittewweb għat-togħma tal-prodotti agrikoli u l-wirja tal-annimali, billi l-bdiewa u r-raħħala ċċelebraw l-Imnarja fl-għelieqi u l-irziezet tagħhom minflok qalb is-siġar li jdawru il-Palazz Verdala. Crew minn Television Malta dalgħodu qatta’ ftit sigħat ma żewġt ibdiewa – wieħed li jinsab qrib l-età tal-irtirar u ibnu li għadu kif beda jagħmel l-ewwel passi fiż-żarbun ta’ missieru.

Għal Nardu u ibnu Charles, id-29 ta’ Ġunju tfisser ċelebrazzjoni ta’ sena ħidma fl-għelieqi. Din is-sena iżda ċ-ċelebrazzjoni ta’ ħidmiethom ma’ waslitx sal-Buskett iżda baqgħet fl-uċuħ tar-raba’ tagħhom, fil-limiti tas-Siġġiewi, fejn sebħu għal ġurnata oħra ta’ xogħol.

Nardu qal li bħalissa l-għalqa hi miżgħuda bi prodotti tal-istaġun, u kieku kien jesebixxi l-aħjar fosthom il-Buskett. “Għandna l-brokkoli, xi pastard, bżar, brunġiel u qarabagħli, patata u basal maħżuna hemm, ħass, frawli baqa’ l-aħħar tlaqqit tal-aħħar għax l-istaġun beda jgħaddi, dulliegħ u bettiegħ.”

Waħda mill-għelieqi li jindokra Nardu, hi mdawra b’xeni pittoreski – fuq naħa tidher il-knisja ta’ San Nikola tas-Siġġiewi, fuq in-naħa l-oħra Filfla. Stqarr iżda li ħafna drabi għajnejh ma jinqalgħux minn fuq x-xtieli li jiksu l-għalqa u lanqas jara x-xemx għaddejja minn fuq rasu.

“Ma narahiex iddur minn hemm għal hawn, għax ma nerfax rasi lejha. Int għidtli hemm Filfa hemm. Naħseb ili ma naraha xi xahrejn għax ma nħarisx l’hemm. Aħna mhux hawn tħares mal-lant tax-xogħol.”

Nardu qal li l-coronavirus għakkset ukoll lill-bdiewa, b’ħafna ħxejjex li kabbru fl-aħħar xhur baqgħu ma wiċċhom billi d-domanda għalihom naqset. Esprima t-tama li l-ftuħ tal-ajruport nhar l-Erbgħa jibda jgħin xi ftit biex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

“J’Alla jibdew ġejjin l-ajruplani għax qed nistennewha, bħal ma l-bidwi jistenna x-xita fil-bikri, mhux bħalissa għax Allaħares jagħmel ix-xita issa, imma l-ajruplani qisu xita għall-bdiewa, dawk li jiġu jridu jieħdu xi ħaġa – min dulliegħa u min ħawħa.”

Il-bidwi qal lil Television Malta li kull ma jmur, l-interess fil-biedja qed jonqos, b’diversi għelieqi madwaru m’għadhomx jipprovdu l-għajxien ta’ bosta familji kif kien isir qabel. Minkejja l-għawġ kollu li ġabet magħha, Nardu qal li l-COVID-19 tatu rigal li mlielu qalbu.

“Gawdejt it-tifel, għax l-iskola għalqet u ġie miegħi minn filgħodu sa filgħaxija, u anke l-mard sar jagħrfu, jew jgħidli filgħodu aħjar nagħmlu dak ix-xogħol mill-ieħor.”

Charles għad għandu 13-il sena, iżda n-namra għall-biedja tinsab f’demmu. “Is-sengħa tal-għalqa togħġobni ħafna. Minn kollox tgħallimt… ħaxix minn ieħor. Qabel il-ħaxix qisu kollu l-istess. Issa anke l-mard, inkun miexi fejn ħaxix ngħid ara din bix-xemx jew bil-ġurdien.”

Iż-żagħżugħ qal li l-iskola għażel l-agribusiness biex jibqa’ jiżviluppa l-ħiliet tiegħu fil-qasam. Waqt li ammetta li minn sħabu tal-iskola ma tantx isib kelma ta’ kuraġġ biex jissokta f’dan ix-xogħol, għandu viżjoni għal kif jixtieq jiżviluppa s-sodda li ħallielu mifruxa missieru.

“Jien kelli f’moħħi ‘agritourism.’ Inġib xi turisti hawn, nurihom prodotti minn tagħna li nkun kabbart jien sa dak iż-żmien, u forsi nġib xi annimali.”

Waqt li Nardu u Charles qattgħu l-Imnarja jaħdmu qalb ix-xtieli u l-ħxejjex, il-Buskett baqa’ battal mill-annimali u l-prodotti agrikoli, b’posthom ħaduh il-karozzi ta’ nies li xorta għażlu l-arja friska tal-Buskett. Anke t-triq tal-plieri taħt is-Saqqajja baqgħet vojta miż-żwiemel u l-ponijiet, billi t-tiġrijiet tradizzjonali ma sarux lanqas.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ippospona d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għall-bini ta’ supermarket tal-Lidl fi Triq Ħ’Attard Ħaż-Żebbuġ li huwa ppjanat li jsir fuq medda art ta’ 2,200 metru kwadru flimkien ma’ parkeġġ…

Turiżmu

Skont studju kkummissjonat mill-MHRA, sitta fil-mija tal-lukandiera f’Malta jemmnu li sa tmiem is-sena d-dieħla t-turiżmu jista’ jirkupra għal kif kien qabel il-pandemija tal-COVID-19. 17% qalu li n-numri tat-turisti tas-sena li…

Lokali

Mit-tlieta ta’ Awissu li ġej ħaddiema barranin jistgħu jerġgħu jibdew japplikaw għas-single permit, li huwa permess ta’ xogħol u anki residenza f’Malta. Is-Segretarju Parlamentari, Alex Muscat qal li minħabba l-pandemija, il-ħaddiema…

Lokali

Heritage Malta qed tħabbar li fi tmiem din il-ġimgħa, is-Sibt 18 u l-Ħadd 19 ta’ Lulju, is-sit ta’ Ħaġar Qim se jkun magħluq għall-pubbliku minħabba tiswijiet li jeħtieġ isiru fuq…

Aktar