Lokali
Joħloq animazzjonijiet għal tfal ċkejkna li jkollhom il-kundizzjoni tad-dijabete

Disa’ studenti li temmew il-kors ta’ Masters fl-Arti Diġitali fl-Università ħolqu proġetti li jieħdu lill-udjenzi fi vjaġġ kreattiv imnebbaħ minn influwenzi artistiċi, l-użu tat-teknoloġija, u innovazzjonijiet xjentifiċi. Dawn jikkrejaw modi ġodda kif wieħed iħares u jinterpreta xbihat u immaġini.

Il-ko-ordinatur tal-kors, Vince Briffa, spjega li l-użu tal-mezzi diġitali bħala għodda għall-espressjoni artistika u l-komunikazzjoni huma relattivament ġodda fl-oqsma tar-riċerka.

Qal li l-kors teoritiku u prattiku jkopri u jżewwaq it-teknoloġija ma’ prattiċi stabbiliti u ġodda fl-arti diġitali, fotografija, video u l-film, id-disinn u l-gaming flmkien ma’ oqsma u dixxiplini kreattivi antiki u ġodda.

Spjega li minn banda, il-kors huwa universali għax jesponi lill-istudenti għal xejriet internazzjonali iżda fl-istess waqt jistedinhom biex b’lenti analtika jimirħu fil-kuntest nazzjonali billi jikkreaw proġetti li għandhom bixra awtentika Maltija.

“Il-kors huwa mfassal biex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw kemm magħna u anki barra minn Malta u anki japplikawh għall-industrija jiġifieri aħna ridna noqogħdu attenti li l-kors nagħmluh relevanti għall-industrija u anki għal studji barra minn Malta”.

Clayton Saliba ħoloq animazzjonijiet imfassla fuq illustrazzjonijiet li huma indirizzati lejn tfal ċkejkna li jkollhom il-kundizzjoni tad-dijabete.

Jgħid li l-applikazzjoni kreattiva għall-użu mediku kienet xprunata minn empatija lejn dawn il-pazjenti li ried iwasslilhom l-informazzjoni dwar il-kundizzjoni bl-iżjed mod effettiv minħajr ma jqanqal biża’ jew inċertezza.

“X’għandhom jagħmlu b’din il-kundizzjoni u din l-għodda diġitali tispjega dan kollu b’mod illustrattiv, b’mod li tqajjem interess anki lit-tfal ta’ ċerti età biex jinvestigaw iktar dwar dak li għandhom bżonn jagħmlu hekk ikollhom din il-kundizzjoni”, qal Saliba.

Peter Magro kien ispirat minn Manoel Island u l-għeruq storiċi, soċjali u kulturali li jagħġnu l-istorja ta’ din il-gżira.

“Il-kommunikazzjoni fejn speċjalment nużawha fil-comics hija dik in-narrattiva u l-aqwa li din in-narrattiva toħroġ b’xi mod issa jekk tkunx comic book jew ktieb jew kliem, l-aqwa li l-bniedem li dak ikun jarah ikun qed jifhem”, qal Magro.

Il-proġetti qed jintwerew f’esebizzjoni fi Spazju Kreattiv.