Lokali
John Mamo u Gavin Gulia maħtura mill-ġdid bħala Chairman tal-MFSA u tal-MTA

Il-Professur John Mamo u l-Avukat Gavin Gulia reġgħu nħatru bħala Chairman tal-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji u mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu rispettivament wara skrutinju li sarilhom mill-Kumitat Parlamentari għall-ħatriet pubbliċi fuq il-ħidma tagħhom f’din il-kariġa fl-aħħar snin.

Il-ħatra tagħhom ġiet ikkonfermata, bl-Oppożizzjoni tivvota kontra t-tiġdid ta’ dawn il-ħatriet. Il-kelliem tal-Oppożiżżjoni Carol Aquilina qal li ivvutaw kontra l-ħatra mill-ġdid tal-Professur Mamo għax fl-aħħar tliet snin saret ħafna ħsara lill-pajjiż fil-mod kif tmexxew l-affarijiet fl-Awtorità għas-Serviżżi Finanżjarji taħt it-tmexxija tal-Professur Mamo.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni opponiet il-ħatra mill-ġdid tal-avukat Gulia fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fid-dawl tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar il-konsulenza tal-ex ministru Konrad Mizzi u minħabba il-mod kif ġraw l-affarijiet fir-riżenja tal-avuakt Gulia minn Membru Parlamentari biex jinħatar fil-kariġa preżenti.

Aktar qabel, il-Professur Mamo qal li l-Awtorità tiġi akkużata b’nuqqas ta’ trasparenza . Huwa qal li dan ma jsirx minħabba segretezza iżda għax l-informazzjoni tingħata fil-ħin opportun. Huwa qal li l-inċidenti marbuta mal-bank Pilatus u mas Satabank huma sfortunati u ngħataw attenzjoni internazzjonali meta huma żewġ banek żgħar. Huwa fakkar illi kien hemm każijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-Ġermanja, fir-Renju Unit u f’pajjiżi oħra.

Il-Professur Mamo qal ukoll illi xxandru artikli li jikkonċernaw il-ħasil ta’ flus f’ġurnali internazzjonali li kienu miktuba minn ġurnalisti Maltin biex imbagħad ġew riprodotti fil-midja Maltija bħala li hemm attenzjoni internazzjonali fuq Malta. Qal li dawn l-artikli ma nkitbux minn ġurnalisti bħal dawk ta’ Wall Street jew il-Financial Times.

Iċ-Chairman tal-Awtorità Finanżjarja Maltija Mamo qal li l-Moneyval u l-Fond Monetarju Internazzjonali kienu ilhom is-snin juru t-tħassib tagħhom fuq is-superviżjoni u fuq l-infurżar f’Malta fejn jidħlu l-banek u l-istituzzjonijiet finanżjarji iżda dan ha riżonanża akbar bil-każ Pilatus.

Min-naħa tiegħu l-avuakt Gulia qal li kien huwa li ta’ struzzjonijiet biex jitħassar il-kuntratt tal-ex ministru Mizzi kontrta dak li ntqal fir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards illi l-Awtorità ma ħaditx azzjoni. Huwa qal ukoll illi l-liġi ma kinitx tagħtih poter jieħu azzjoni kontra l-Kap Eżekuttiv fil-każ. Huwa ddikjara wkoll illi ħadd m’għamillu pressjoni biex jikkontesta l-elezzjoni każwali u rriżenja għax laqgħa t-talba tal-Prim Ministru li jkompli jmexxi l-Awtorità fi żmien daqshekk diffiċli. Huwa qal li qabel feġġet il-pandemija kien intlaħaq rekord ġdid fil-wasla ta’ turisti f’Malta għall-ewwel xahrejn tax-xitwa 2020.