Edukazzjoni
Joħorġu l-linji gwida għall-kindergarten u l-iskejjel post-sekondarji

Illum saru magħrufa l-linji gwida għall-edukaturi u l-istudenti tal-kindergarten u tal-istituzzjonijiet post-sekondarji. Għalkemm differenti fl-età, l-istudenti tal-kindergarten u dawk li waslu fil-livell post-sekondarju għandhom josservaw miżuri simili maħruġa fl-aħħar sigħat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-linji gwida huma maħsuba biex jillimitaw l-imxija tal-Covid-19 u jkopru pjan ta’ azzjoni li jesiġi rutina stretta ta’ iġjene personali u tindif.

Fil-każ tal-kindergartens, il-linji gwida jisħqu fuq id-diżinfettar tal-ġugarelli u l-uċuh tal-imwejjed wara li jsir użu minnhom. Anki iċ-changing rooms u t-toilets iridu jitnaddfu mill-inqas tliet darbiet kuljum.

Il-ġenituri tat-tfal li jattendu l-kindergarten m’humiex se jitħallew jersqu lil hinn mill-għatba tal-bini filwaqt li t-tfal ma jistgħux jieħdu l-ġugarelli personali magħhom l-iskola. Il-pushchairs se jkunu wkoll pprojbiti ħlief għal dawk it-tfal li għandhom diżabbiltà jew bżonnijiet speċjali.

Bħall-iskejjel, it-tfal tal-kindergarthen se jkunu jistgħu jikkomunikaw biss ma’ grupp ristrett ta’ tfal u edukaturi li għandu jkun dejjem l-istess grupp, bid-distanza minima ta’ metru u nofs bejn kull tifel u t-tifla. Se jitħallew ukoll massimu ta’ ħmistax-il tifel u tifla għall-Kinder 1, u dsatax-il tifel u tifla għall-Kinder 2. L-edukaturi u l-membri tal-istaff huma wkoll obbligati li jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu, b’mod partikolari meta jkunu f’kuntatt mat-tfal.

It-tfal li għandhom iżjed minn tliet snin huma mħeġġa li jilbsu maskra jew visor meta joħorġu mill-klassi u jekk jużaw it-trasport tal-iskejjel. Mhux permess tqassim ta’ kejkijiet u tal-ikel fil-binja tal-iskola u l-ikel tat-tfal ma jistax jinħareġ barra mill-klassi. Ma’ kull skola tal-kindergarten se jkun assenjat uffiċjal responsabbli mill-Covid biex jassigura li l-iskola qed issegwi r-regolamenti.

Ir-rakkomandazzjoni tad-distanza minima ta’ metru u nofs bejn mejda u oħra tapplika kemm għall-istudenti ċkejknin, kif ukoll għall-istudenti f’livell post-sekondarju. Fost l-edukaturi u l-istaff tal-istituzzjonijiet post-sekondarji huwa rakkomandat li jilbsu l-maskra jew il-visor il-ħin kollu ħlief meta jkunu qed jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku jew għal raġunijiet mediċi. Fl-istaff rooms, qed ikun irrakkomandat li tinżamm distanza ta’ mill-inqas żewġ metri bejn l-għalliema, filwaqt li jrid jitnaddaf l-apparat u l-imwejjed li jintużaw minn iktar minn għalliem wieħed.

Ingħata wkoll parir biex il-laqgħat tal-għalliema jsiru b’mod virtwali meta hu possibli; l-istudenti jkollhom timetables li ma jġegħluhomx imorru minn klassi għall-oħra; u biex jinġabar tagħrif għall-contact tracing meta l-istudenti jiċċaqalqu minn klassi għall-oħra jew ikollhom lezzjonijiet barra.

F’każ li jinfirex il-virus, kemm għall-kindergarten kif ukoll għall-istituzzjonijiet post-sekondarji hu rrakomandat li jitħejjew pjani alternattivi bħalma huwa t-tagħlim virtwali.