Lokali
Joħorġu r-riżultati tal-MATSEC – 68% għaddew għall-università

Illum tħabbru r-riżultati tal-Matsec għas-SEC (O-levels) u l-Matrikola (A-levels) għal iktar minn 4,200 student li għamlu r-resits f’Settembru.

Ir-resit tas-SEC jagħti opportunità lill-istudenti biex iġibu marka aħjar sitt ġimgħat wara li joħorġu r-riżultati tal-ewwel eżamijiet li jkunu saru bejn Mejju u Ġunju. Fiż-żewġ eżamijiet magħduda flimkien, l-iktar li l-istudenti ġabu marki għoljin mis-suġġetti ewlenin kien fl-Ingliż, filwaqt li l-agħar li marru kien fil-Matematika.

Wara li fl-2012 inbidlu r-regoli dwar ir-resit fil-Matrikola, dawk li kisbu Ċertifikat tal-Matrikola biex ikunu jistgħu jibdew kors fl-Università tripplaw. Din is-sena kien hemm 1,276 student ta’ 18-il sena, ekwivalenti għal 68%, li rnexxielhom jiksbu dan iċ-ċertifikat.