Barranin
Joħroġ minn koma ftit qabel ma kienu se jneħħulu l-magni – l-organi tiegħu kienu se jingħataw lil tfal oħra

Tifel ta’ 13-il sena minn Alabama li kien weġġa’ gravi b’kawża li kellu ħsara kbira f’moħħu beda jieħu n-nifs ftit qabel mat-tobba kienu se jitfu l-magni. Dan wara li l-ġenituri tiegħu kienu qatgħu qalbhom li binhom joħroġ mill-koma.

Omm it-tifel Trenton McKinley spjegat li binha kien indarab meta kien riekeb fuq vettura ta’ fuq ir-ramel li nqalbet u ġie fuq rasu.

It-tobba kienu qalu lill-ġenituri tiegħu li mhux se jirnexxilu jfiq u li l-organi tiegħu jaqblu ma’ 5 t’itfal li jridu trapjant. Min-naħa tagħhom il-ġenituri kienu qablu li jiffirmaw il-karti biex l-organi tiegħu jingħataw lil dawn it-tfal.

Skont ommu t-tifel kien miet għal madwar kwarta iżda bil-ħidma tat-tobba it-tifel qam għalkemm kienu qalu lill-ġenituri tiegħu li binhom se jgħix fi stat veġitattiv. Madankollu jum qabel li kienu se jitfewlu l-magni, Trenton beda juri sinjali pożittivi, fejn moħħu reġa’ beda jaħdem.

Intant wara li għamel 3 operazzjonijiet f’moħħu, it-tifel qed jikkupra bil-mod u qed jirnexxielu jitkellem, jaqra, jaħdem il-matematika u fuq kollox jimxi.

Trenton qed iqis il-każ tiegħu bħala miraklu fejn spjega li meta kien mitluf minn sensih huwa kien qed jimxi dritt f’għalqa miftuħa.