Qorti
Jolqtulu n-nervituri waqt operazzjoni – il-Qorti tordna lil Mater Dei biex jagħtuh kumpens ta’ €90,000

Il-Qorti ordnat lill-Isptar Mater Dei biex iħallas lil Etienne Ellul €92,054.68 f’danni wara li f’operazzjoni ntlaqtulu n-nervituri.

Il-Qorti semgħet li Etienne, li jaħdem bħala mekkanik, kellu nefħa ta’ lipoma f’għonqu u wara li ġie eżaminat fl-Isptar ġie infurmat li din kellha titneħħielu permezz t’operazzjoni.

L-operazzjoni, li kienet saret fis-16 ta’ Marzu, 2013, suppost marret tajjeb tant li ma kienx jeħtieġ li jkomplu jsegwuh it-tobba.  Madankollu huwa kellu jmur għal diversi visti l-Isptar minħabba li wara l-operazzjoni baqa’ muġugħ. Huwa kien qed jiġi infurmat li l-uġigħ kien xi ħaġa normali ta’ wara l-operazzjoni.

Minkejja dan, l-uġigħ baqa’ jippersisti u l-konsulent Mark Schembri infurmah li reġa’ trabbielu tumur ieħor fl-istess post. Wara iżjed konsultazzjonijiet kien saru Electromyography u ġie kkonfermat li kellu tumur (lipoma) kbir fl-istess post minn fejn suppost kellha titneħħa l-lipoma xi sena qabel.

Etienne Ellul kkonsulta ma’ esperti mediċi oħra u ġie mgħarraf li flimkien mal-lipoma kellu ħsara f’nerv li jgħaddi minn spalltu. Dwar il-lipoma huwa reġa’ għamel operazzjoni sabiex jitneħħa t-tumur. Wara din l-operazzjoni sar jaf li saret ħsara irriparabbli lil nerv li jgħaddi minn spalltu b’konsegwenza li sofra diżabilità permanenti.

Fix-xhieda nstema’ li n-nervituri kienu parti integrali mil-lipoma u għalhekk il-ħsara li saret ma setgħetx tiġi evitata, Instema’ li fl-ewwel intervent tħalliet biċċa xaħam li fi żmien sena u nofs kibret. Intqal li din tħalliet mhux kapriċċjożament iżda għaliex il-kirurgu ħass li jekk ineħħiħha jista’ jikkawża aktar ħsara.

Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff sabet li l-konvenuti kollha (it-tobba) għandhom jinżammu responsabbli għad-danni li sofra Etienne minħabba li naqsu milli jeżerċitaw il-grad ta’ professjonalità u diliġenza li wieħed jistenna minnhom.

Għal Etienne Ellul deher l-avukat Leslie Cuschieri.

Aħbarijiet Oħra
Unjoni Ewropea

Waqt is-Summit tal-Unjoni Ewropea li qed jiltaqa’ fi Brussell, il-mexxejja Ewropew naqsu milli jaqblu b’mod unanimu dwar proposta biex sas-sena 2050 il-kontinent Ewropew isir kontinent nadif b’industriji li ma jniġġżux…

Kronaka

Instab mejjet r-raġel Daniż li kien irrappurtat nieqes nhar il-5 ta’ Ġunju li għadda. TVM huwa infurmat li Allan Hartmann-Jensen ta’ 53 sena instab mejjet dalgħodu fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni…

Unjoni Ewropea

Kellu jkun summit li jiddetermina l-ġejjieni immedjat tal-Unjoni Ewropea… għaliex kellu jiddiskuti mhux biss aġenda strateġika b’numru ta’ prioritajiet, iżda possibilment kellu jwitti t-triq għal qbil dwar in-nomini ta’ dawk…

Aktar