Lokali
Jonoraw l-obbligi tagħhom wara diffikultajiet fl-iskemi ta’ ġbir ta’ skart goff

Iż-żewġ skemi awtorizzati biex jirkupraw l-iskart ta’ tagħmir elettroniku u tal-elettriku skont il-miri tad-direttiva Ewropea magħrufa bħala l-WEEE qed jonoraw l-obbligi tagħhom wara li xi diffikultajiet fit-tħaddim tal-iskemi kienu qed iwasslu biex iċ-ċentri tal-iskart goff tal-Wasteserv inbidlu f’imħażen mimlijin daqs bajda b’dan it-tip ta’ skart.

Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, iż-żewġ skemi awtorizzati biex jiġbru tagħmir elettroniku u tal-elettriku li jkun spiċċa l-użu tiegħu, bdew jieħdu parti mill-iskart elettroniku maħżun fiċ-ċentri tal-iskart goff f’Malta u f’Għawdex biex jiġi esportat għar-riċiklaġġ.

Dan hekk kif is-sitt ċentri tal-iskart goff tal-Wasteserv kienu mburġati b’dan l-iskart minn settijiet tat-televizzjoni sa geysers, minn fridges sa kompjuters.

L-uffiċjal tal-Wasteserv Elaine Briffa qalet “Għandha ammont kbir ta’ skart WEEE li huwa skart minn apparat elettroniku u tal-elettriku li ġie akkumulat hawnhekk għal dawn l-aħħar sentejn.”

Kelliema għall-Awtorità tal-Ambjent qalet lil TVM li bħala regolatur wissiet lill-operaturi taż-żewġ skemi, il-Greenpak u l-WEEE MALTA biex jonoraw l-obbligi legali tagħhom billi jieħdu wkoll skart li jinġabar mill-Kunsilli Lokali permezz tas-sistema tal-Bulk Refuse u jispiċċa fiċ-ċentri għall-iskart goff.

Is-Senior Operations Manager GreenPak, Daniel Tabone  qalet “li ġara fl-aħħar ftit ġimgħat, kien hemm tibdil fil-proċedura kif jinġabar allura kien hemm slow down fit-take up. Kellna diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati u solvejna l-affarijiet li kien hemm bżonn li nsolvu u issa t-take reġa’ qed jieħu rittmu mgħaġġel.”

WEEE Malta ħabbret li wara xhur ta’ diskussjonijiet mal-Wasteserv, laħqet ftehim biex tesporta mal-ħames tunnellati ta’ dan l-iskart elettroniku skont il-proporzjon allokat lill-iskema abbażi ta’ kemm il-membri tagħha jpoġġu dawn il-prodotti fis-suq.

Il-Kap Eżekuttiv WEEE Malta, Joe Attard qal “fejn jidħol WEEE l-ikbar problema li kellna kienet li bejn Ottubru u nofs Frar ma kien hawn l-ebda waste broker fil-pajjiż li kellu permess in vigore, biex ikun jista’ jgħabbi r-refriġeration minn Malta u nesportawh fi treatment facility barra minn Malta.”

Skont tweġiba parlamentari sal-aħħar ta’ Jannar, fiċ-ċentri għall-iskart goff tal-Wastserv kien hemm 259 tunnellata ta’ televiżjonijiet u 163 tunnellata ta’ fridges.

Is-Senior Operations Manager GreenPak, Daniel Tabone qal “it-televisions li bħalissa qed jidħlu lura biex jiġu riċiklati huma antiki, li kienu kbar u tqal. Issa t-televisions huma ħafna rqaq u ħafna eħfef. Ma tantx tista’ tikkumpara l-weight ta’ cooker ma weight ta’ television mill-antiki u kull prodott għandu lifetime differenti.”

L-istess statistika turi li l-inqas tip ta’ skart WEE li hemm fiċ-ċentri għall-iskart goff huwa l-apparat li jikkundizzjona l-arja.

Il-Kap Eżekuttiv WEEE Malta, Joe Attard qal “airconditioners issib ftit għax kulħadd jaf li l-Malti huwa stuż u allura min illum il-ġurnata jmur jinstalla air condition u jaf li l-air conditioner antik jista’ jieħdu f’faċilità mhux awtorizzata u jdaħħal xi flus tiegħu allura ma jkollokx minn dawn it-tip ta’ materjal li jispiċċa l-Wasteserv.”

Skont ir-reġistru nazzjonali tal-iskart tal-Awtorità tal-Ambjent, l-importanti msieħba fiż-żewġ skemi, ipoġġu fis-suq ftit aktar minn 10,000 tunellata ta’ prodotti elettriċi u tal-elettriku fis-sena.

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar