Sport
Jonqos il-konsum tad-dawl fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop bis-saħħa tad-dwal LED

Kumpanija Maltija li bbenefikat mill-programm nazzjonali ta’ Riċerka u Innovazzjoni, Fusion, bdiet tipproduċi sistemi ta’ dawl LED biex jintużaw f’kumplessi sportivi.

F’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, il-kumpanija Altern bdiet tinstalla sistema ta’ dawl ġdida fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop li biha ser jonqos il-konsum tad-dawl.

Fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop qed tiġi installata sistema ta’ dawl speċjalizzata li ġiet manifatturata għall-ewwel darba f’Malta mill-kumpanija Altern wara li kisbet mitejn elf ewro f’fondi mill-Fusion, programm nazzjonali ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

L-Inġinier Matthew Spiteri qal li mill-ewwel analiżi, s-sistema ser twassal biex tiġi frankata ħafna enerġija.

Matthew qal “irnexxielna nkejlu madwar 65% inqas enerġija biex noħolqu l-istess ammont ta’ dawl li hija qabża importanti lejn is-sostenibbilità”.

L-Inġinier Spiteri qal li l-proġett Innovled sar b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta. Qal li jaraw l-possibilità biex aktar kumplessi sportivi jibbenefikaw minn din is-sistema ta’ dawl li toffri diversi vantaġġi.

“Trid inqas enerġija biex tiġġenera inqas ammont ta’ dawl, life times itwal, u dak li jgħidulu smart control; jiġifieri għall-ewwel darba għandna prodott li tista’ tikkontrolla kemm id-dimming iżda wkoll il-kulur tal-abjad tiegħu, allura jista’ jintuża mhux biss għall-aspett sportiv iżda wkoll għal applikazzjonijiet bħal pereżempju meta l-kumpless jintuża għall-entertainment jew għal events oħra” qal Matthew.

L-Inġinier Spierti qal li l-kumpanija qed timraħ fi swieq internazzjonali, fosthom fi Frankfurt, fejn għaddejja b’testijiet fuq is-sistema l-ġdida biex jiġi determinat jekk din tiflaħx għal temperaturi baxxi.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li din l-innovazzjoni tirrifletti l-impenn tal-Kunsill għax-Xjenza u t-Teknoloġija biex jgħaqqad ir-riċerkaturi u l-industriji. Qal li l-programm Fusion ser ikompli jikkontribwixxi biex aktar innovaturi jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li s-Segretarjat għall-Isport impenjat li jtejjeb faċilitajiet sportivi kemm għall-atleti u anke ħall-ispettaturi. Qal li s-sistema Innovled hija tajba għall-ambjent u anke tnaqqas l-ispejjeż fil-kumplessi sportivi.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar