Baħar
Jonqsu bin-nofs l-inċidenti li jinvolvu għawwiema

Fl-aħħar 3 snin naqsu bi ftit inqas min-nofs l-ammont ta’ inċidenti li jseħħu fost għawwiema u persuni li jkunu ħdejn il-baħar waqt li ma seħħet ebda fatalità.

L-uffiċjali tal-għaqda tas-Salib l-Aħmar li tkellmu ma’ TVM qalu li dan it-tnaqqis aktarx li huwa dovut għall-ħidma li qed issir matul is-Sajf f’25 bajja li hawn mifruxa madwar il-gżejjer Maltin.

Fil-jum dinji dedikat għall-prudenza waqt l-għawm, Television Malta żar il-Bajja tal-Għadira sabiex isegwi mill-qrib ix-xogħol li jagħmlu dawn l-uffiċjali.

Ix-xogħol ta’ prevenzjoni li jwettqu l-uffiċjali tal-Malta Red Cross fil-bajjiet madwar Malta u Għawdex qed tħalli l-frott, hekk kif in-numru ta’ inċidenti qed jonqsu drastikament minn sena għall-oħra.

Qal dan ma’ Television Malta d-Direttur tal-Operazzjonijiet Robert Brincau fil-jum dinji favur il-prudenza waqt l-għawm, fejn spjega li kemm ilhom jinżammu l-istatistiċi mill-2018, fl-istess sena kien hemm ftit iktar minn 8,400 inċident, fl-2019 7,800 inċident u s-sena l-oħra ftit aktar minn 5,000.

Fi kliem Brincau, l-inċidenti jvarjaw minn tingiża ta’ żunżana jew brama sa attakk tal-qalb.

Huwa qal li l-membri tas-Salib l-Aħmar dejjem ikunu lesti sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna u b’differenza minn snin passati qed jiġi nnutat li l-ħut qed jersaq iktar ‘l ġewwa u minħabba l-fatt li ċertu ħut jista’ jniggeż jew iweġġa’ lill-għawwiem, xorta waħda tittella’ l-bandiera l-vjola.

“F’dawn il-każi ukoll tittella’ l-bandiera l-vjola, għax dik mhux jellyfish biss … il-bandiera l-vjola tfisser, bl-ingliż ngħidu ‘pest’ … jiġifieri xi ħaġa li ddejqek fil-baħar”.

Brincau qal li l-fatt li n-numru ta’ inċidenti dejjem qed jonqos, waqt li fl-aħħar snin ma ġew reġistrati ebda mwiet fuq il-bajjiet mgħassa mill-Għaqda tas-Salib l-Aħmar, juri li l-istrateġija ta’ prevenzjoni li qed tiġi addattata qed tħalli l-frott.

Huwa qal li l-‘lifeguards’ qed jitħarrġu mhux biss sabiex isalvaw il-ħajjiet iżda wkoll sabiex jipprevjenu milli jiġri inċident.

Spjega li minkejja li wieħed jara lil ‘lifeguard’ bil-qiegħda dan ikun għassa ta’ dak li qed iseħħ u meta jara xi persuna tagħmel affarjiet mhux siguri, jintervjeni biex iwiddeb lill-persuna konċernata.

Brincau rrakkonta inċident li seħħ ftit tal-jiem ilu fejn qal li f’riħ qawwi għawwiem prova jgħum minn bajja għal oħra iżda minkejja t-twissijiet tal-‘lifeguards’ hu ried jgħum xorta waħda.

Irrakkonta kif il-‘lifeguards’ xorta waħda mxew miegħu madwar il-kosta biex x’ħin kien f’periklu qabżu u salvawh.

“X’ħin wasal fil-punt biex idur, sab ruħu f’diffikultà … ovjament il-‘lifeguards’ ikunu jafu x’inhu jiġri u l-‘approach’ tagħhom mhux li ninżlu fil-baħar dak kien imma li nimxu miegħu mal-kosta biex ikun viċin … u fil-fatt, b’għawma qasira ta’ 15-il metru, qabeż jgħum, ġie l-jetski, ġabru u daħħalnieh ‘il ġewwa. Dawn l-inċidenti ħadd ma jkun jaf bihom, għax taġixxi kmieni … jekk ikun hemm ‘delay’ l-inċident ikun fatali”.

L-uffiċjal Rita Fenech spjegat kif ix-xogħol tal-għaqda tas-Salib l-Aħmar imur lil hinn mis-Sajf u l-bajjiet.

“Ix-xogħol tagħna jibda ħafna qabel il-bajjiet. U mhux fis-Sajf biss. Anzi matul is-sena kollha. Inżuru l-iskejjel u nibdew għarfien ma’ tfal żgħar … lukandi … kif ukoll nitkellmu man-nies li jżuru l-bajjiet”.

Fenech temmet tappella sabiex dawk kollha li jżuru xi bajja jobdu l-istruzzjonijiet tal-‘lifeguards’ u jirrispettaw il-qawwa tal-baħar sabiex ma jpoġġux ħajjithom u ħajjet ħaddieħor fil-periklu.