Lokali
Jonqsu l-korrimenti u l-fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol għamlet tlett elef spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol is-sena li għaddiet waqt li tat aktar minn 500 multa amministrattiva u fetħet 176 każ kriminali quddiem il-qrati.

Dan intqal miċ-Chairman tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-Deputat Laburista Manwel Mallia waqt id-dibattitu Parlamentari li ddiskuta l-estimi finanzjarji tal-istess awtorità.

L-avukat Mallia qal li s-sena li għaddiet l-istess awtorità tat 350 permess biex jiġi impurtat materjal radjuattiv.  Kienet ukoll imdaħħla fi 38 proġett għal tneħħija ta’ materjal magħmul mill-asbestos.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Awtorità Claudette Buttigieg ikkritikat liċ-Chairman tal-Awtorità li ha sehem fid-diskussjoni meta l-awtorità li jmexxi hu qed tiġi skrutinizzata.  Hija saqsiet x’qed iżomm lill-Gvern li jiffirma ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-awtorità.  Saqsiet ukoll  jekk l-Awtorità għamlitx stħarriġ biex tkun taf kemm huma l-ħaddiema li jbatu minn stress fuq il-post tax-xogħol u kemm persuni mardu minħabba li kienu esposti għall-asbestos.

Fl-għeluq tad-diskussjoni, il-Ministru responsabbli mis-settur Helena Dalli qalet li analiżi tal-Awtorità wera li għat-tielet sena konsekuttiva l-ogħa rata ta’ korrimenti fuq il-post tax-xogħol seħħet fis-settur tat-trasport u l-ħażna. Hija qalet ukoll li għat-tielet sena wara l-oħra naqsu l-korrimenti fis-setturi kollha tax-xogħol.  Ir-rata ta’ mwiet b’aċċidenti fuq ix-xogħol naqsu fl-2017 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel u ilu ma jkun hemm fatalità għal 17–il xahar sħiħ.

L-estimi finanzjarji ġew approvati.