COVID-19
Joqtlu l-mikrobi… il-pandemija qed tħabbat sew lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Kaġun tal-pandemija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu jadatta għal responsabiltajiet ġodda waqt li ħa wkoll prekawzjonijiet biex iħares is-saħħa u s-sigurtà tar-riżorsi umani tiegħu.

Fit-taqsima marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, segwejna il-proċess ta’ dikontaminazzjoni malli żewġ uffiċjali temmew ħidma fuq każ ta’ COVID-19.

L-inġinier Albert Tabone qal li fil-vetturi qed tintuża kimika b’70 fil-mija tat-taħlita magħmula mill-alcohol biex teqred il-virus. Spjega li l-ħaddiema li jmissu ma’ postijiet possibilment nfettati iridu jsegwu proċeduri dwar l-użu tal-ilbies protettiv.

“Jinħaslu qabel jidħlu fil-karozza, kif jaslu hawn, il-karozza jieħdu ħsieba nies oħra lebsin ilbies protettiv, u dawk in-nies li jkunu ħadmu immorru fid-decom tents fejn jinħaslu għal darba, darbtejn u jkollhom il-ħwejjeg tagħhom jistennewhom biex jilbsu,” spjega l-Inġinier Albert Tabone.

Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila qal li fl-aħħar xahar wettqu dikontaminazzjoni ta’ 32 post, fosthom għasses tal-pulizija u binjiet ta’ awtoritajiet, u 115-il vettura.

Id-dikontaminazzjoni tal-vetturi qed issir ukoll f’Għawdex u f’Ħal Far. Il-kap tal-operat Anthony Pisani qal li l-ħidma fl-istazzjon ta’ Ħal Far hi differenti minn dik tal-Marsa.

“Waqt li l-maritime qed jużaw kimika aggressiva biex toqtol il-mikrobu, hawnhekk nużaw waħda inqas aggressiva minn hemm. Hawn jiġu karozzi li jagħmlu inspections, imorru jagħmlu il-visits,” qal il-Kap tal-Operat Anthony Pisani.

Id-Direttur qal li fl-aħħar xahar ġew imħarrġa mat-800 uffiċjal li jistà jkollhom kuntatt dirett ma’ nies bil-Coronavirus.

“Dan hu taħriġ, l-iktar dwar personal protective equipment kif jintlibes u kif tħossok aktar sikur. Qed nagħmlu lill-ħaddiema tagħna, membri tal-forzi dixxiplinarji, membri mid-dipartiment tas-saħħa u nies oħra involuti f’din il-materja,” qal id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila.

Is-Sur Psaila qal li l-uffiċjali tal-protezzjoni ċivili qed jassistu lill-pulizija u lid-dipartiment tas-saħħa fl-ispezzjonijiet fuq min hu obbligat isegwi l-kwarantina. Spjega li f’din l-emergenza, d-dipartiment ikkonverta tlett postijiet fi stazzjonijiet tat-tifi tan-nar temporanji. Qal li dan sar fost oħrajn bħala prekawzjoni biex jekk ifeġġ każ ta’ COVID-19 fost il-ħaddiema, ikun imnaqqas l-impatt tal-kwanrantia fuq ir-riżorsi umani tad-dipartiment.