Lokali
Jordna t-tkeċċija tiegħu minn Malta wara li kkundannah 7 snin ħabs

Sqalli ta’ 41 sena b’fedina penali kkulurita ġie kkundannat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li fi tliet ġimgħat seraq b’aktar minn €30,000 f’ġojjelli u oġġetti ta’ valur f’għadd ta’ serqiet minn ħwienet u djar f’Malta.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ordnat li r-raġel, Carmelo Ciranna, jintbagħat lura lejn pajjiżu wara li qieset li huwa ta’ theddida għall-ordni pubblika ta’ pajjiżna.

Is-Sur Ciranna, li huwa reċediv u li bbenefika mil-liċenzja tal-parole, wieġeb ħati ta’ xejn anqas minn disa’ serqiet bejn il-25 ta’ Diċembru u t-8 ta’ Jannar li għadda. Huwa kellu fil-mira tiegħu, ħwienet u djar f’Birkirkara, f’Ħ’Attard, f’Wied il-Għajn, f’Ħaż-Żabbar u f’Ħal Qormi.

Fost l-oġġetti li seraq hemm ġojjelli, basktijiet u arloġġi ta’ valur, flus kontanti, televisions, cameras tar-ritratti, laptops u batteriji tal-karozzi.

Fil-Qorti ngħad li minkejja li l-akkużat talab skuża għal għemilu u wiegħed li se jgħin lill-pulizija biex tirkupra d-deheb u ġojjelli li kien seraq u biegħ biex imantni l-vizzju tad-droga, huwa kkopera biss fuq serqa li saret minn Ħ’Attard.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Mifsud qal li minkejja l-fatt li l-imputat ingħata l-liċenzja tal-Paroli u kiser il-kundizzjonijiet marbuta magħha, m’għandux jintbagħat sinjal negattiv fuq dan il-mezz utli fil-qasam tal-ġustizzja riparattriċi. Huwa sellem lil dawk li jagħtu s-servizz tagħhom f’dan il-qasam u ma jaqtgħux qalbhom minkejja li jkun hemm min ma jagħrafx jimxi fit-triq lura ta’ integrazzjoni soċjali.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud sostna wkoll li huma l-minoranza assoluta tal-“mistiedna” fostna li jiġu jaqgħu u jqumu mil-liġijiet ta’ pajjiżna. Qal li dawn il-ftit qed jagħmlu ħsara kbira ħafna għax qed jitfgħu dell iktar fuq oħrajn li jgħixu ħajja eżemplari f’Malta.

Huwa ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jużaw il-poter li tagħtihom il-liġi u ma jiddejqux jieħdu passi drastiċi kontra dawn inkluż li jitkeċċew minn Malta.