Aġġornat: jorħos id-diesel u l-petrol u jibqgħu fissi sal-aħħar tas-sena

L-Enemed dalgħodu ħabbret roħs fil-prezzijiet ta’ ħafna fjuwils. L-iktar li raħsu kienu l-prezzijiet tad-diesel u l-pitrolju, li raħsu b’2 ċenteżmi kull wieħed. Il-prezz tal-petrol bla ċomb (unleaded) u l-fjuwil E-power raħsu b’ċenteżmu kull litru ,filwaqt li l-gasoil baqa’ l-istess.

Minn għada l-prezz tad-diesel se jkun €1.14, tal-petrol bla ċomb €1.27, tal-E-power €1.42, tal-kerosene €1.14 u tal-gasoil €1. Il-prezzijiet il-ġodda ser jibqgħu fissi għal tliet xhur, sal-aħħar ta’ Diċembru.

B’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-familji Maltin u Għawdxin xorta se jibqgħu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuels fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Iddeskriva dan ir-roħs bħala redikolu u li ma jħallu ebda impatt fuq bwiet il-familji u n-negozji. Għalhekk insista biex il-Prim Ministru jieqaf jidħaq bin-nies.

Il-Prim Ministru intant irrefera għar-roħs u qal li dan sar minkejja li dil-ġimgħa l-prezz internazzjonali taż-żejt għola b’6% ghax l-OPEC ħabbret li ser tnaqqas il-produzzjoni. Huwa qal li bil-politika tal-Oppozizzjoni, il-prezzijiet f’Malta kienu jogħlew iżda l-Gvern miexi politika ta’ stabbilità fil-prezzijiet li qal tagħti serħan il-moħħ lin-negozji u l-familji.