Lokali
Joseph Calleja flimkien mal-Orkestra Filarmonika Maltija jsaħħar arena mimlija nies f’Dubaj

65 mużiċist li jiffurmaw l-Malta Philharmonic Orchestra taw żewġ kunċerti mill-isbaħ fil-Coca-Cola Arena f’Dubaj waqt l-InClassica International Music Festival, organizzat mill-European Foundation for Support of Culture u Samit Event. Fit-tieni kunċert, Operatic Gala: From Malta With Love, l-orkestra taħt id-direzzjoni tas-surmast Armen Sergey Smbatyan, akkumpanjat lit-tenur Malti Joseph Calleja.

F’kumment lil Television Malta, t-tenur ta’ fama internazzjonali faħħar l-istrateġija tal-management tal-Malta Philharmonic Orchestra li qal qed taħdem, għaliex l-orkestra qed tagħmel progress kbir u tħalli mpatt pożittiv kull fejn tmur tagħti kunċert.

“Jekk tara min qed jieħu sehem f’dan il-festival kważi kollha kemm huma ismijiet li huma rinomati mad-dinja kollha u billi tesponi lill-mużisċisti bravi tagħna għal dawn it-tip ta’ artisti ovvjament se tibqa’ tara livell li dejjem qed jogħla. Jien għandi proġett, kif ngħidu bl-Ingliż baby ġo moħħi mal-orkestra li nagħmlu flimkien u forsi nħabbruh dalwaqt.”

It-tenur Malti huwa l-uniku tenur ta’ fama internazzjonali li ta kunċert waqt dan il-festival li ilu għaddej mit-28 ta’ Awwissu u jintemm fis-26 ta’ dan ix-xahar, b’total ta’ 30 kunċert. B’kollox kienu biss tlieta s-solisti kantanti li taw kunċert waqt l-InClassica, żewġ soprani u t-tenur Joseph Calleja.

Għal Joseph Calleja, wara r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija, speċjalment fuq l-attivitajiet kulturali, kull attività li qiegħda tiġi organizzata bħalissa hija opportunità tad-deheb fl-isforzi biex il-qasam kulturali jerġa’ jiftaħ.

“Ħafna pajjiżi, id-Danimarka, l-Iżvezja, l-Ingilterra qegħdin joffru l-possibilità għar-ritorn tan-normalità u naħseb li ħafna pajjiżi Ewropej, inkluż Malta, speċjalment aħna li għandu ‘l fuq minn 93% ta’ nies vaċċinati għandna wkoll ngħatu spazju għall-artisti Maltin, kif qed jagħmlu ħafna pajjiżi kbar li jagħmlu l-kunċerti u niftħu l-affarijiet kif kienu qabel.”

Il-kunċert InClassica, ma kienx l-ewwel darba li t-tenur Calleja kanta f’Dubai. Aktar kmieni dan is-sajf, kien ta kunċert b’udjenza limitata li ukoll ħarġet imsaħħra bil-vuċi ta’ Joseph Calleja u laqgħet tajjeb l-għażla tas-siltiet li kanta. Fost is-siltiet waqt l-InClassica International Music Festival, Joseph Calleja kanta uħud mill-aħħar album tiegħu The Magic of Mantovani. Intant, l-impenji tal-Malta Philharmonic Orchestra f’Dubai jintemmu bit-tielet u l-aħħar kunċert il-Ħamis filgħaxija.