Qorti
“Joseph Muscat kien ixxukkjat bl-aħbar tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia” – l-assistent personali tal-PM

Kenneth Camilleri li serva bħala uffiċjal tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li lil Keith Schembri qatt ma qallu li kien iltaqa’ mal-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma. Waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Kenneth Camilleri ma tax iktar dettalji minħabba li x-xahar id-dieħel irid jixhed fil-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Yorgen Fenech. Fis-seduta tallum xehed ukoll l-assistent personali tal-Prim Ministru, Ray Barbara.

L-assistent personali tal-Prim Ministru, Ray Barbara qal li meta kien żvelat il-każ tal-Panama Papers, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien imħasseb u rrabjat ħafna.

Quddiem il-bord ta’ inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, is-Sur Barbara qal li Dr Muscat kien irrabja ħafna wkoll meta ħarġet l-allegazzjoni dwar Egrant u li kien ixxukkjat bl-aħbar tal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia.

Mistoqsi mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, jekk l-eks Chief of Staff Keith Schembri kellux l-istess reazzjoni, is-Sur Barbara wieġeb li ma jafx għax ma rahx. Għall-mistoqsija jekk Keith Schembri kellux il-kontroll tal-amministrazzjoni ta’ Kastilja, is-Sur Barbara wieġeb li iva. Fix-xhieda tiegħu, is-Sur Barbara spjega li l-uffiċċju tal-Prim Ministru u l-uffiċċju tiegħu huma separati mill-bqija tal-uffiċċji u għalhekk ma jkunx jaf b’kull min daħal Kastilja.

Qal li hu kien jieħu ħsieb il-kalendarju tal-Prim Ministru iżda ma kienx jidħol għal-laqgħat. Kompla li fil-preżenza tiegħu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma’ ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech f’Kastilja iżda jiftakar li kien għamel xi żewġ appuntamenti lis-Sur Gasan.

Xehed ukoll Kenneth Camilleri li serva bħala wieħed mis-sitt uffiċjali tas-sigurtà li kien ikollu l-Prim Ministru. Qal li kienu jieħdu ordnijiet biss mingħand is-Sur Barbara. Kenneth Camilleri qal li hu u Keith Schembri kienu ħbieb u kollegi iżda qal li lis-Sur Schembri qatt ma qallu li kien iltaqa’ mal-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma. Qal li minn meta Keith Schembri rriżenja minn Chief of Staff tal-Prim Ministru, hu qatt ma kkomunika miegħu.

Fix-xhieda tiegħu, Kenneth Camilleri qal li mar il-Libja ma’ Neville Gafa madwar erba’ darbiet iżda qal li ma kienx jaf x’kien l-iskop ta’ dawn iż-żjarat. Qal li għalkemm kienu ħbieb, ma kinux jiddiskutu l-laqgħat li s-Sur Gafa kien ikollu fil-Libja. Is-Sur Camilleri qal li hu ma kienx ikun preżenti għal-laqgħat li kienu jsiru bl-Għarbi li qal ma jifhimx. Kenneth Camilleri xehed li hu qatt ma ra lil Yorgen Fenech f’Kastilja.

Mistoqsi mill-Imħallef Abigail Lofaro jekk jiddispjaċihx għal posts li tella fuq Facebook, Kenneth Camilleri qal li le u li posts dwar Daphne Caruana Galizia, il-Panama Papers u l-bank Pilatus, xerridhom fuq il-media soċjali b’mod partiġjan u mhux għax kellu xi tagħrif dwar il-kwistjonijiet.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Koppja Maltija li tinsab abbord cruise fil-Mediterran għamlet appell imqanqal lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li ma titħalliex tinżel Malta. Marthese Bonello u Joseph Mercieca kitbu ittra pubblika…

Qorti

Tneħħew l-ispejjeż tal-qorti għal persuni li fil-ġranet u fil-ħinijiet normali tax-xogħol jitolbu li jinfetaħ ir-reġistru tal-qorti biex jippreżentaw rikorsi urġenti fir-reġistru tal-Qorti. Dan sar b’avviż legali minħabba li r-reġistru tal-qorti…

COVID-19

Ma nstab ħadd jikser il-kwarantina obbligatorja waqt l-425 spezzjoni li saru fl-aħħar sigħat madwar Malta u Għawdex, bl-appell jittenna biex kulħadd jibqa’ responsabbli u jikkopera mad-direttivi li jingħataw mill-awtoritajiet. Madanakollu 4…

Lokali

Wara riformi li saru inkluż tisħiħ tar-riżorsi umani fil-FIAU skont ir-rakkomandazzjonijiet, tal-Money u tal-Awtorità Bankarja Ewropea l-Aġenzija li tgħasses fuq il-ħasil tal-flus, kellha żieda qawwija f’rapporti dwar transazzjonijiet finanzjarji suspettużi….

Aktar