Lokali
“Jum qabel l-inċident Graziella ġiet tixtri u daħlet tiċċajta” – Antoine Bugeja

Ħaż-Żabbar jinsab f’luttu għat-telfa ta’ żewġ nisa Żabbarin li tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku l-Ħadd filgħaxija li fih indarbu seba’ persuni oħra u li involva erba’ ġenerazzjonijiet tal-istess familja Żabbarija. Il-vittmi huma omm ta’ 53 sena u bintha ta’ 31 sena filwaqt li l-Isptar għad hemm żewġ qrabathom f’kundizzjoni kritika, mara ta’ 77 sena u tifel ta’ 12-il sena. L-inċident li għadu qed jiġi investigat mill-pulizija u b’inkjesta maġisterjali seħħ fil-bidu tat-triq li mill-Mosta tagħti għall-Imġarr.

Il-Ġimgħa Mqaddsa bdiet b’dulur kbir għall-familja minn Ħaż-Żabbar li l-ħarġa tal-Ħadd intemmet fi traġedja wara li omm u bintha mietu fuq il-post f’ħabta ma’ karozza oħra fil-bidu ta’ Triq l-Imġarr, li mill-Mosta tagħti għall-Imġarr.

Graziella Mallia ta’ 53 kienet qed issuq il-karozza żgħira tal-għamla Maruti li fiha magħha kien hemm ħames passiġġieri. Għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija fil-liwja li tagħti għar-roundabout tal-Buqana fil-Mosta, il-karozza kienet involuta f’ħabta frontali ma’ karozza oħra tal-għamla Audi li fiha kien hemm erba’ persuni. Waħda mill-karozzi kienet qed tinstaq fil-karreġġjata l-ħażina tant li l-Pulizija għadha qed tipprova tistabilixxi d-dinamika tal-inċident.

Fil-Maruti kien hemm erba’ ġenerazzjonijiet tal-familja Mallia. Lucy Mallia ta’ 77 sena li tinsab l-isptar f’kundizzjoni kritika, bintha Graziella li kienet qed issuq u mietet fuq il-post, bintha Fallon li kienet passiġġiera fuq wara li wkoll mietet mid-daqqa u binha Eli Mallia ta’ 12-il sena li bħal bużnantu jinsab l-isptar fil-periklu tal-mewt. Fl-istess Maruti kien hemm żewġ passiġġieri oħra – wieħed ta’ 44 sena mill-Gżira li ndarab ħafif u ieħor ta’ 29 sena minn Tas-Sliema li ma ġralu xejn. Il-Maruti spiċċat fis-central strip, bi ħsarat estensivi u waħda mill-vittmi nħarġet wara li membri tal-protezzjoni ċivili qattgħu parti minnha.

Riżultat tal-ħabta, l-Audi li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 31 sena mill-Mosta spiċċat f’parti tat-triq fejn sar skavar għat-twessiegħ tat-triq. Miegħu kien hemm passiġġier ta’ sena u ieħor ta’ ħdax-il sena li sofrew ġrieħi gravi, u passiġġier ieħor ta’ għaxar snin li sofra ġrieħi ħfief.

F’Ħaż-Żabbar, sibna komunità sħiħa f’luttu u dieqa speċjalment il-ġirien tal-familja Mallia.

Francine qalet “jien naħseb kienet żvintura hux biex tiġrilhom din it-traġedja erbgħa minn familja”.

Toni qal “qbajt imbellaħ diżgrazzja kiefra imsieken għat-tnejn li huma hux”.

Mara oħra qalet “ilbieraħ rajtha kumbinazzjoni l-quddies fl-ewwel bank tal-Knisja tal-Kapuċċini Kalkara għax tifel tat-tifla abbati hemm”.

Antoine Bugeja qal “sa nhar is-Sibt stess Graziella ġiet hawnhekk tixtri daħlet tiċċajta għax kienet tħobb tiġi lejn l-aħħar ħin normalment. Sfortunatament diżgrazzja li għal din l-akwata laqtet ħafna nies”.

Il-ġirien qalulna li kmieni tnejn filgħodu l-vann tal-iskola ġie bħas-soltu jiġbor liċ-ċkejken Eli ta’ 12-il sena li għadu għall-kura l-isptar x’aktarx mhux konxju li f’tebqa’ t’għajn tilef lin-nanna u ommu, li kienu attivi f’bosta għaqdiet lokali fosthom tal-banda fejn Graziella għamlet xi żmien iddoqq il-klarinett mas-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae.

Ara wkoll:

Graziella u Fallon Mallia l-vittmi tal-inċident fl-Imġarr

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Mumenti ta’ ġabra spikkaw fiċ-Ċimiterju Militari f’Tal-Pietà waqt it-tifkira għall-eluf ta’ suldati Awstraljani u minn New Zealand li tilfu ħajjiethom biex jiddefendu l-ħelsien fil-battalja ta’ Gallipoli fl-Ewwel Gwerra Dinjija li…

Lokali

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Psikoloġija, għall-ewwel darba d-dipartiment tal-psikoloġija fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa fakkar il-Jum Dinji tal-Psikoloġija biex jikber l-għarfien dwar is-servizzi li qed joffri lill-komunità. Is-sena li għaddiet, iżjed minn…

Lokali

Mas-6,000 ħaddiem se jingħataw kumpens għall-anomaliji u inġustizzji li sofrew matul iż-żmien. Il-Ministri Edward Scicluna u Michael Falzon qalu li dawn il-ħaddiema ser jingħataw bejniethom €11-il miljun fi skema li…

Lokali

Il-familji residenti fil-bini li ġġarraf il-lejl li għadda fi Gwardamanġa u l-ġirien tagħhom jinsabu ttrawmattizzati, li minħabba dak li ġara spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom. Huma esprimew rabja kbira għaliex qalu…

Aktar