Annimali
Jumejn oħra jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa, BirdLife titlob biex jiġi pospost

L-istaġun għall-kaċċa fil-ħarifa għall-għasafar mill-art se jiftaħ fl-1 ta’ Settembru u l-kaċċa għall-għasafar minn fuq il-baħar se tiftaħ fl-1 t’Ottubru.

Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali li fiha ntqal kif l-istaġun se jagħlaq fil-31 ta’ Jannar 2019 (iż-żewġ dati inklużi).

Il-kaċċa tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt, u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-siegħa ta’ waranofsinhar fil-Ħdud u festi pubbliċi.

Il-kaċċa minn fuq l-art mill-15 ta’ Settembru sas-7 t’Ottubru mhux ħa tkun permessa mit-Tnejn sas-Sibt wara s-7 (ta’ filgħaxija) sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.

Il-kaċċa minn fuq il-baħar mil-1 ta’ Ottubru sas-7 ta’ Ottubru mhux ħa tkun permessa mit-Tnejn sas-Sibt wara s-7 (ta’ filgħaxija) sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara. Dawn il-ħinijiet japplikaw ukoll għall-kaċċa tal-fenek, li jagħlaq fl-aħħar ta’ Diċembru.

Il-gamiema hija kaċċabbli biss fix-xahar ta’ Settembru bi kwota nazzjonali ta’ 7,000 gamiema mingħajr kwota personali.

Intqal ukoll li l-istaġun tal-ħarifa qiegħed jinfetaħ skont il-parametri u l-provedimenti legali kif stipulati fil-Regolament dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (LS 549.42) u avviżi legali rispettivi oħra.

Fl-istqarrija, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri awgura li matul dan l-istaġun ikunu l-kaċċaturi stess li jsostnu s-sostenibbiltà ta’ dan id-delizzju u saħaq biex kull delettant jirrispetta l-liġijiet f’dan ir-rigward.

Jingħad ukoll li l-ebda azzjoni irresponsabbli mhu ser issib sostenn tal-Gvern u l-awtoritajiet, filwaqt li ntqal li l-Wild Bird Regulation Unit u l-Pulizija se jaraw li l-infurzar ikun aktar ikkordinat u rigoruż sabiex jitħarsu l-obbligi u responsabbilitajiet tal-kaċċaturi.

B’reazjoni, il-BirdLife qalet li bagħtet ittra lill-Prim Ministru li fiha talbet li l-istaġun tal-kaċċa jiġi pospost u minflok jinfetaħ fil-15 ta’ Ottubru. Il-BirdLife qalet li b’pass bħal dan il-Gvern ikun qiegħed jibgħat messaġġ li mhux ser jitolera abbużi bħal qtil riċenti ta’ 18-il ċikonja bajda.

Appellaw ukoll li l-Gvern biex iwaqqaf il-Wildlife Crime Unit, biex tħares l-interessi tal-ambjent. Il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife, Mark Sultana, qal li din it-talba għandha l-appoġġ unanimu tal-Kumitat Ornis.