Lokali
Jumejn oħra mhux se jkun jista’ jibqa’ jintuża l-eqdem impjant ta’ Delimara

Minn jumejn oħra, mhux se jkun jista’ jintuża aktar l-eqdem impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija fl-ewwel żjara lill-ħaddiema tal-kumpanija Enemalta.

L-ewwel impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara li beda jitħaddem ħamsa u għoxrin sena ilu u kien jiġġenera 120 megawatt ta’ elettriku ntefa f’ċerimonja simbolika mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’April li għadda. Dakinhar l-impjant tpoġġa fuq cold standby, li jfisser li seta’ jerġa’ jinxtegħel f’każ ta’ bżonn.

Għalkemm din il-ħtieġa ma rriżultatx, il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ħabbar li mill-Ġimgħa dan mhux ser ikun possibbli aktar bl-impjant ser ikun dikjarat magħluq għal kollox. B’hekk qal li se tintemm kull possibilità li jerġa’ jintuża l-heavy fuel oil u l-elettriku ġġenerat f’Malta se jkun ġej kollu mill-gass naturali.

Fi żjara lill-ħaddiema fil-bini amministrattiv tal-Enemalta fil-Marsa, il-Ministru Mizzi rrimarka li d-domanda għall-elettriku kompliet tiżdied tant li fl-aħħar sentejn il-peak load żdiedet b’31 Megawatt.

Il-Ministru Mizzi qal li sar investiment ta’ €100 miljun fl-Enemalta fosthom f’sitt ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni, 200 substation, f’cables ġodda, tagħmir u ċentru ġdid tal-operat.

Mistoqsi dwar l-inċident f’waħda mill-mini tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Fredick Azzopardi qal li l-Enemalta taf x’ġara.

Qal li ftit aktar minn sena ilu l-Enemalta kellha inċident simili u ħadet diversi miżuri biex tevita ripetizzjoni, iżda filwaqt li xi miżuri kienu laħqu ġew implimentati, oħrajn fosthom biex jiġu protetti cables oħra mill-cable li jkun ħa n-nar, għadhom ma sarux. Qal li ladarba titlesta l-investigazzjoni jkunu magħrufa l-ispejjeż li kkawża dan l-inċident.

L-Inġinier Azzopardi qal li għalkemm l-għadd ta’ impjegati mal-Enemalta naqas fl-aħħar erba’ snin, l-effiċjenza kibret u sostna “Dan huwa parti mill-pjan li kellna ta’ trasformazzjoni. Imma nista’ ngħid li qed inkunu aktar effiċjenti. Filwaqt li qabel konna ndumu ċertu perjodu sabiex nagħtu l-elettriku, illum qed indumu 60 fil-mija inqas minn kemm konna ndumu qabel.”

Temm jgħid li fost l-aktar ħaddiema li dejjem tibqa’ d-domanda għalihom huma dawk bil-liċenzja tal-elettriku u inġiniera.