Droga
Just Facts Malta – sit li se jagħti l-fatti dwar id-droga u l-konsegwenzi tagħha

Kampanja ta’ informazzjoni mmirata lejn iż-żgħażagħ dwar id-droga se tkun qiegħda tispjega it-tipi ta’ għajnuna li wieħed jista’ jikseb kontra l-vizzju tad-droga.

Il-kampanja Just Facts Malta, li qiegħda ssir b’investiment ta’ €90,000, se tkun qiegħda tagħti l-fatti kollha dwar id-droga speċjalment il-konsegwenzi tagħha.

Justfacts.gov.mt huwa sit ġdid imniedi bħala parti mill-kampanja Just Facts Malta li permezz tagħha se tkun qiegħda tingħata informazzjoni dwar id-droga.

B’differenza minn kampanji oħra kontra l-vizzju tad-droga, l-informazzjoni li qiegħda tingħata ma tgħaddix il-messaġġ li d-droga hija ħażina biss iżda tagħti stampa sħiħa ta’ x’inhuma t-tipi differenti ta’ droga u l-konsegwenzi tagħha.

Id-Direttur tas-Sedqa Charles Scerri qal li l-studji juru kif kampanji ta’ dan it-tip huma aktar effettivi maż-żgħażagħ.

“Illum ir-riċerka turina fil-fatt li meta mmorru fuq it-tfal u fuq iż-żgħażagħ u ngħidulhom ‘isma, id-droga hija ħażina, dawn is-sustanzi ma tistax tagħmel użu minnhom’, it-tendenza tkun li dak li jkun taqbdu iżjed kurżità u possibilment jagħmel iktar użu minn dawn is-sustanzi. Illum hija iktar effetiva kampanja li tirrappreżenta fatti u l-affarijiet kif inhuma”.

Scerri żied jgħid li kampanja li tagħti l-informazzjoni kollha tgħin biex tnaqqas l-istigma u tħeġġeġ lil persuni li naqbdu fil-vizzju tad-droga biex ifittxu l-għajnuna.

Waqt it-tnedija tal-kampanja, il-Ministru Michael Falzon faħħar is-sehem tan-National Addiction Advisory Board li bnew din il-kampanja fuq bażi xjentifika, edukattiva u informattiva.

“Aħna mhux qed nimbutaw lin-nies biex jieħdu l-ħaxixa, aħna qegħdin ngħidulek il-verità f’din il-kampanja, qed ngħidulek il-fatti kollha, ovvjament l-individwu se jagħmel id-deċiżjoni hu, imma li aħna nwegħdu bħala Gvern li ngħinuhom li jekk hemm bżonn, fejn wieħed jagħmel intervent għaliex le? Għandna ngħinu lil kulħadd”.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Aġenzija Komunità Malta hija protagonista b’investiment ta’ madwar €90,000 f’din il-kampanja edukattiva.

Il-kampanja hija aċċessibbli fuq il-mezzi tal-media soċjali bl-isem Just Facts Malta.