Lokali
“Jużaw vittmi tad-droga biex iqabbdu l-karozzi f’isimhom”

Bħal dan iż-żmien sena twaqqfet taqsima ġdida fil-Korp tal-Pulizija – dik magħrufa bħala l-Arson Unit li tinvestiga rapporti ta’ ħruq intenzjonat ta’ vetturi jew proprjetajiet. F’intervista maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet, l-Ispettur Mario Xiberras minn din it-taqsima qal li fil-maġġoranza tal-każi, il-mandanti ta’ dan ir-reat jieħdu vantaġġ minn persuni vulnerabbli fosthom vittmi tad-droga billi joffrulhom xi ħaġa tal-flus ħalli jwettqu r-reat minflokhom, f’tentattiv biex l-identità tagħhom tinżamm mistura.

Din is-sena l-Pulizija rċeviet medja ta’ tliet rapporti fix-xahar dwar ħruq intenzjonat ta’ vetturi jew proprjetajiet. S’issa l-Pulizija solviet terz tal-każi rrapportati din is-sena. L-Ispettur Mario Xiberras mit-taqsima li tinvestiga każi ta’ ħruq volontarju qal li hemm diversi raġunijiet għaliex każi bħal dawn jistgħu jkunu għadma iebsa iktar minn oħrajn.

“Meta inti tmur fuq il-post se ssib kollox maħruq. Evidenza tkun marret. Speċjalment meta jmorru tas-CPD – dawn se jagħmlu xogħolhom u se jixħtu l-ilma jew il-foam. Dawn iż-żewġ fatturi se jtellfuna ħafna mill-evidenza li jkun hemm fix-xena tar-reat.”

L-Ispettur Xiberras spjega li fin-nuqqas ta’ xhieda jew kameras tas-sigurtà fiż-żona fejn seħħ ir-reat, il-Pulizija tagħti ħafna aktar piż lill-vittmi biex tipprova tasal biex tagħlaq il-każ. Argumenta li l-vittmi mhux dejjem jgħidu l-verità fosthom għaliex jaf ikunu involuti f’xi relazzjoni sigrieta jew attività kriminali bħal traffikar tad-droga jew użura.

L-Ispettur Xiberras qal li fil-maġġoranza tal-każi min jikkawża l-ħruq ma jkollu x’jaqsam xejn mal-vittma. Semma kif mill-istħarriġ spiss jirriżulta li l-mandanti japprofittaw ruħhom minn persuni vulnerabbli, bħall-vittmi tad-droga, biex iwettqu r-reat li għalih jagħtuhom ftit flus.

“Il-mandanti jkunu qed jużawhom. Aħna ngħidulhom. Isma’ aħna wasalna għalikom. Inti qiegħed hawnhekk magħna. Inti ġejt arrestat. Inti se titressaq il-Qorti. Tista’ tmur il-ħabs. Hemm il-piena għolja. U min bagħtek, il-mandant qiegħed barra.”

Il-pieni marbuta ma’ ħruq ta’ vetturi jew proprjetajiet abitabbli jvarjaw minn sentenza ta’ għomor il-ħabs f’każ li waqt il-ħruq ikun hemm xi persuna fuq ġewwa għal pieni ta’ bejn sentejn u 12-il sena f’ċirkustanzi oħra.