Lokali
Kaċċatur jinħeles minn akkużi li xaħħam pulizija disa’ snin wara li ġie akkużat

Eric Scicluna, kaċċatur ta’ 45 sena mill-Imtarfa llum inħeles minn akkużi ta’ tixħim lill-pulizija. Dan wara li disa’ snin ilu kien akkużat li ta rigali lil pulizija biex dan jgħaddilu informazzjoni dwar kif jista’ jikkaċċja ‘l bogħod mill-għajn tal-Pulizija.

Disa’ snin ilu Scicluna kien akkużat li kien qed jikkomplotta biex ixaħħam pulizija tal-ALE, li kien kompliċi ma’ żewġ persuni oħra li kienu qed iwettqu reat kriminali, u li kien riċediv. Dan wara li f’Marzu 2008 l-Kummissarju tal-Pulizija rċieva informazzjoni kunfidenzjali li wħud mill-uffiċjali tal-ALE kienu ‘ħbieb’ ta’ xi kaċċaturi. Scicluna allegatament beda jagħti rigali lill-uffiċjali tal-Pulizija biex huma jgħaddulu informazzjoni ta’ fejn kienu se jagħmlu r-rondi biex jaqbdu kaċċaturi li jkunu qed jikkaċċjaw illegalment.

Minbarra Scicluna, żewġ uffiċjali tal-Pulizija wkoll kienu ffaċċjaw proċeduri kriminali, iżda kienu nħelsu mill-akkużi ta’ korruzzjoni. Wieħed minnhom xehed fil-każ ta’ Scicluna fejn qal li dan tassew kien qrib tal-pulizija u kien hu li jgħaddi l-informazzjoni lilhom. Qal ukoll li meta kien għaddej minn żmien diffiċli minħabba mard fil-familja, hu kien stqarr ma’ Scicluna li kien bżonn il-flus. Sostna li Scicluna kien sellfu €150, iżda l-pulizija kien ħallas dawn il-flus lura, u saħaq li hu qatt ma kien imxaħħam.

Scicluna qal l-istess ħaġa lill-Qorti u żied li kien ħabib tal-Pulizija tant li ġieli taw rigali lil xulxin fil-Milied. Qal iżda li hu qatt ma ta flus lill-pulizija. Żied jgħid li huwa kien tilef l-interess fil-kaċċa wara li kien weħel multa ta’ €6,000 meta nstab ħati ta’ kaċċa illegali fuq il-baħar.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli nnotat li dawk li suppost kienu kompliċi ma’ Scicluna qatt ma ntalbu jixhdu, filwaqt li l-Pulizija li kienu akkużati li aċċettaw il-flus kienu nħelsu mill-akkużi. Sostniet li qatt ma kien hemm wegħda ta’ ħlas, li kienet kruċjali biex wieħed jinstab ħati ta’ tixħim. Il-Qorti qalet li t-tpartit ta’ rigali kien turija ta’ ħbiberija twila bejn iż-żewġt irġiel, u ma kienx hemm provi li ż-żewġt irġiel kienu qed jikkomplottaw xi ħaġa illegali.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Persuni li l-ġimgħa li għaddiet żaru ċ-ċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid stqarrew ma’ tvm.com.mt li baqgħu ddiżgustati bl-iskart goff mormi barra dan iċ-ċimiterju. L-iskart intlemaħ barra l-ħitan taċ-ċimiterju, mid-daħla ta’ Triq…

Lokali

Fl-intervent tiegħu llum fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkritika s-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija li qal ġie żarmat mir-riżorsi bit-tluq ta’ diversi uffiċjali għolja u fl-istess waqt qal li daħlu 27 pulizija…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-pjan tal-Gvern għall-Airmalta meta kien qed jindirizza l-Parlament.  Huwa appella għal ftehim mal-unions għax wissa li l-pjani tal-Gvern għat-tkabbir tal-Air Malta ma jkunx sostennibli…

Lokali

Fil-jiem li għaddew bosta kkummentaw fuq il-media soċjali dwar l-inkonvenjent li ħoloq vann meta kien qed jimblokka l-bankina fi Triq it-Torri tas-Sliema. Jirriżulta li l-vann tħalla pparkjat mill-iktar żoni ffrekwentati…

Aktar