Barranin
Kalifornja jagħmilha illegali li tneħħi l-condom bis-serqa waqt is-sess

Kalifornja huwa l-ewwel stat Amerikan li għamilha illegali li xi ħadd ineħħi l-condom waqt is-sess mingħajr il-kunsens tal-persuna l-oħra.

Il-kampanja biex dan il-fenomenu, li sar magħruf bl-Ingliż bħala ‘stealthing’, jiġi rikonoxxut bħala reat fil-liġi, ilha għaddejja s-snin.

Kienu bosta l-persuni, l-iktar nisa, li mbuttaw biex tiddaħħal din il-liġi wara li għaddew minn esperjenzi personali fejn spiċċaw ħadu mard trażmess sesswalment jew inqabdu tqal meta r-raġel li kienu miegħu neża’ l-condom bis-serqa.

Il-Membru tal-Assemblea li ppreżentat l-abbozz, Cristina Garcia, kienet diġà ppreżentat żewġ abbozzi oħra li jinkriminaw lil minn iwettaq dan l-att, iżda baqgħu m’għaddewx mill-Kamra.

Din id-darba l-liġi għaddiet billi ġie emendat biss il-Kodiċi Ċivili, u mhux dak Kriminali, li jfisser li vittmi ta’ dan ir-reat jistgħu jfittxu lill-individwu għad-danni, iżda ma jistgħux jittieħdu passi kriminali kontrih.