Lokali
Kampanja biex tiżdied il-kuxjenza dwar l-ugwaljanza fl-isport

Tnediet il-kampanja Everyone’s game – LGBTIQ Inclusion in football, li permezz tagħha l-Gvern u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football, MFA, qed iqajmu kuxjenza fuq id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. Bħala bidu ta’ din il-kampanja, fil-logħob kollu tal-futbol Malti sas-26 ta’ April se jittieħdu diversi inizjattivi biex jikber l-għarfien dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.

Il-logħba ta’ kulħadd – LGBTIQ Inklużjoni fil-futbol, huwa l-isem tal-kampanja li nediet il-Malta Football Association fuq inizjattiva tal-Gvern. Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Gvern beda dan djalogu mal-MFA minħabba li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li daħlet id-drittijiet LGBTIQ.

Peter Busuttil mid-Dipartiment tar-Responsabbilità Soċjali fl-MFA, qal li bħala parti minn din il-kampanja dwar id-drittijiet LGBTIQ fil-futbol sas-26 ta’ April f’kull logħba futbol il-plejers u uffiċjali tal-futbol se jingħataw lazzijiet bil-kuluri tal-qawsalla u se jkun hemm ukoll messaġġi ta’ promozzjoni fil-grawnds fost affarijiet oħra.

Il-Ministru Dalli qalet li fil-ħajja ta’ kuljum id-diversità mhix apprezzata daqskemm mixtieq. Qalet li fadal xi jsir f’diversi oqsma anke bl-isport.

Il-Ministru Dalli qalet “qegħdin nagħmlu dan l-outreach f’diversi setturi tas-soċjetà tagħna ħalli nispjegaw iktar din l-importanza li nabbraċċjaw id-diversità li jkollna l-inklużjoni fis-soċjetà tagħna u naħseb il-futbol huwa mezz tajjeb u importanti ħafna li nagħmlu dan ix-xogħol fih.”

Il-Viċi President tal-MFA, Dr Matthew Paris, qal li fl-aħħar snin l-MFA ħadmet ħafna fuq l-inklussività. Spjega li bil-kampanja Il-Logħba ta’ Kulħadd, LGBTIQ inklużjoni fil-futbol, ser isaħħaħ il-proġett tal-MFA fuq l-inklużjoni.

Dr Matthew Paris qal “din il-kampanja li qed naħdmu flimkien mal-Ministeru hija prattikament intiża sabiex nilħqu iktar nies, inressqu iktar nies lejn il-futbol, għaliex il-futbol mhuwiex ta’ xi branka ta’ nies, mhuwiex ta’ xi erba’ min-nies biss, iżda huwa ta’ kulħadd. Il-messaġġ li qed nippruvaw inwasslu huwa l-bibien tagħna huma miftuħin beraħ għal kulħadd, int min int, ejja għandna sabiex aħna nkomplu ngħinnuk titħarreġ u ovvjament tipprattika l-isport favorit tiegħek.”

Gabi Calleja mill-Malta Gay Rights Movement, qalet li din l-inizjattiva tagħmel parti mill-istrateġija tal-moviment għas-snin 2018 – 2022.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Instab post alternattiv biex id-detox ma jibqax fejn l-isptar San Luqa fi G’Mangia. Dan ġie konfermat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti li madankollu ma tax dettalji tal-post…

Kronaka

Ir-raġel li lbieraħ il-Pulizija ppubblikaw ritratti tiegħu qed ikun imfittex b’rabta ma’ serqa li seħħet ix-xahar illi għadda f’Tas-Sliema. Il-Pulizija talbet l-għajnuna tal-pubbliku biex issib lil dan ir-raġel. Minn stħarriġ…

Saħħa

Kollaborazzjoni bejn kumpanija fil-qasam tal-farmakoloġija li tinsab ibbażata f’Malta u riċerkatur Taljan qed twassal għal iżjed riċerka fit-terapija għall-kanċer. Din ir-riċerka hi ibbażata fuq sustanti meħuda minn pjanti mediterranji. Il-Professur…

Aktar