Lokali
Kampanja biex tkabbar l-għarfien dwar kif ġenituri għandhom jaġixxu m’uliedhom

Fil-jum internazzjonali tal-familja, il-Gvern nieda strateġija imsejsa fuq tliet pilastri biex tindirizza relazzjonijiet differenti. L-istrateġija tiffoka fuq id-diversi forom ta’ familji, l-irwol tan-nanniet u kif il-ġenituri għandhom jaġixxu m’uliedhom.

Kampanja tal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal għandha l-għan li tkabbar l-għarfien dwar kif ġenituri għandhom jaġixxu m’uliedhom, speċjalment f’każ li l-koppja tkun separata. Il-messaġġ aħħari hu li ż-żewġ ġenituri għandhom jibqgħu juru mħabba ma’ uliedhom.

Din hi waħda minn tliet pilastri ta’ strateġija mfassla mill-Ministeru u li se titwettaq mill-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja fi ħdan l-istess ministeru. Iċ-Charperson tal-Kumitat, Joe Gerada, qal li l-istrateġija tiffoka wkoll fuq l-irwol tan-nanniet, b’enfasi fuq is-solitudni fost in-nanniet u l-anzjani. Semma li l-helpline 1772 qed tgħin lil persuni li jħossuhom weħidhom, bil-kumitat se jara kif tingħata aktar għajnuna professjonali f’dawn iċ-ċirkustanzi.

L-istrateġija tħares ukoll lejn id-diversi forom ta’ familji u kif dawn huma parti mis-soċjetà tal-lum.

Il-Ministru responsabbli għall-familja, Michael Falzon, qal li l-Gvern irid ikompli jsaħħaħ il-familji mhux biss fuq livell finanzjarju.

“Hawnhekk qed imorru oltre mill-aspett finanzjarju, il-familja hija l-post fejn ġenerazzjonijiet tal-llum u ta’ għada jiffurmaw ruħhom, importanti li nagħtu s-sens ta’ well being, is-sens tal-well being li nsaħħu l-istituzzjoni tal-familja… u aktar minn kollox li b’hekk intejjbu il-kwalita’ tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin”.

Dr Falzon qal li konxju tar-relatajiet soċjali li dejjem jinbidlu, hekk ukoll tinbidel u ssir aktar pro-attiva ħidmet il-Gvern għall-familji.