Lokali
Kampanja mmirata lejn iż-żgħażagħ biex issaħħaħ l-għarfien dwar is-saħħa mentali

Aġenzija Żgħażagħ nediet il-kampanja ‘Anxiety is this you? TRUST YOURSELF TO TALK’, immirata lejn iż-żgħażagħ fil-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali. L-għan ta’ din il-kampanja hu li jisaħħaħ l-għarfien dwar is-saħħa mentali sabiex iż-żgħażagħ jibdew jitkellmu iktar u jersqu iżjed ‘il quddiem bil-problemi ta’ saħħa mentali u jtemmu l-istigma u d-diskriminazzjoni madwarha.

Waqt din it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li l-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali ta’ din is-sena wasal fi żmien fejn il-ħajja ta’ kuljum inbidlet b’mod konsiderevoli. Huwa saħaq li ż-żgħażagħ madwar id-dinja huma esposti għar-riskju ta’ mard marbut mas-saħħa mentali u għalhekk huwa essenzjali li bħala pajjiż nassiguraw għarfien dwar is-suġġett.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizza wkoll l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ kampanji sabiex l-istess żgħażagħ ikollhom aktar għarfien dwar l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum.

Din il-kampanja se tkun qed titwassal permezz tal-midja soċjali, it-televiżjoni u anke permezz ta’ billboards.