Kronaka
Kamra “għas-sess” fil-kumpless ta’ stalel fejn kienu jgħixu l-immigranti

Sidien ta’ stalel fil-Marsa allegatament kienu qed idaħħlu aktar minn €1,500 fix-xahar minn kull remissa, li fl-aħħar snin bidlu illegalment f’akkomodazzjoni għal għexieren ta’ immigranti.

Dalgħodu l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet azzjoni ta’ infurzar u sabet 80 immigrant, bi wħud jilħqu jaħarbu u oħrajn kienu għax-xogħol. Il-Pulizija arrestat 37 persuna li kienu Malta illegalment, fosthom Maltija li allegatament kienet toffri servizzi ta’ prostituzzjoni fl-istess kumpless.

Il-kumpless tal-istalel fi Triq il-Ġerrejja, il-Marsa kien magħruf bħala l-‘lukanda taż-żwiemel’, iżda wħud mis-sidien tad-dsatax-il remissa b’madwar erba’ stalel f’kull waħda dawruhom illegalment f’akkomodazzjoni għall-immigranti. Sbieħ l-Erbgħa filgħodu l-immigranti ġew żgumbrati mill-post, f’operazzjoni mmexxija mill-Awtorità tal-Ippjanar u diversi taqsimiet tal-Pulizija.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg, qal lil TVM li wara diversi rapporti u konferma li l-istalel inbidlu f’residenzi illegali, fl-1 ta’ Lulju li għadda l-Awtorità waħħlet avviż ta’ infurzar mal-post u għarrfet lis-sidien li għandhom 16-il ġurnata biex ireġġgħu s-sit għall-użu orġinali tiegħu. Is-Sur Buttigieg qal li fl-aħħar jiem kien hemm sidien li kkoperaw u neħħew l-illegalitajiet waqt li oħrajn injoraw l-avviż. Qal li jistma li fil-kumpless kienu qed jgħixu aktar minn mitejn persuna.

Ftit inqas minn 50 ma kellhomx dokumenti

“Kellna ‘l fuq minn 225 sodda li fil-ħin tas-sitta ta’ filgħodu, bħala nies sibna li kien hemm 80, għaliex l-oħrajn kienu diġà telqu għax-xogħol, u minn dawn it-tmenin saru numru ta’ arresti mill-Pulizija,” qal is-Sur Buttigieg.

TVM jinsab infurmat li 37 persuni ġew arrestati għax kienu Malta mingħajr id-dokumenti meħtieġa, waqt li wħud mill-immigranti, malli ntebħu bil-preżenza tal-pulizija waqt l-azzjoni ta’ infurzar, qabżu għoli ta’ żewġ sulari u ħarbu mill-post.

Allegatament, uħud mir-residenti fil-kumpless kienu involuti fi traffikar ta’ droga, u fost l-arrestati kien hemm mara Maltija li allegatament kienet involuta f’ċirku ta’ prostituzzjoni, tant li fil-kumpless jidher li kien hemm kamra ddedikata ‘għas-sess’.

Is-sidien kienu jdaħħlu mas-€17,000 fis-sena

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar qal li s-sidien tar-remissi kienu qed jdaħħlu mas-€17,000 fis-sena min dawn il-kirjiet illegali. “Miċ-ċifri li smajna bħala medja minn kull remissa persuna kien qed jaqla’ bejn €1,200 u €1,600 fix-xahar .”

Is-Sur Buttigieg qal li fil-jiem li ġejjin l-uffiċjali tal-Awtorità se jkompli jgħassu l-kumpless u l-immigranti li jinsabu Malta legalment se jtuhom erbat ijiem ċans biex joħorġu l-affarijiet personali tagħhom.

“Huma obbligati li jekk għandhom id-dokumentazzjoni kollha għandhom post fejn jgħixu, jew inkella jmorru fl-open centres, qal is-Sur Buttigieg.

S’issa għad mhux magħruf jekk il-Pulizija u awtoritajiet oħrajn, fosthom fiskali, hux se jieħdu azzjoni kontra s-sidien tal-istalel, li wieħed minnhom f’kummenti lil midja qal li l-immigranti kienu qed jgħixu f’kundizzjonijiet tajbin, u possibilment aħjar minn xi Maltin.

Ara wkoll:

Jiddeskrivu dak li ġara llum bħala “assurd u krudili”

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Lokali

Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment se jingħalaq u l-aġenti ġew infurmati biex ma jaċċettawx iżjed applikazzjonijiet. Minflok ser isiru regolamenti ġodda dwar ir-residenza b’żewġ saffi. Saff minhom jagħti dritt lil persuni li…

Aktar