Kanċer bikri jitneħħa mingħajr operazzjoni f’Mater Dei

Il-progress fit-teknoloġija medika qed jagħmilha possibbli għal interventi b’aktar ħeffa u b’inqas gwaj f’każi ta’ ċertu tip ta’ kanċer li jinqabdu fi stadju bikri.

Fl-Isptar Mater Dei bdiet tintuża proċedura għat-trattament ta’ xi forom ta’ kanċer meta jkunu għadhom fl-aktar stadju bikri tagħhom.

Krew minn tvm.com.mt esklussivament segwa  proċedura li saret fit-teatri tal-operazzjonijiet tal-Isptar Mater Dei.

Avvanzi li saru fit-teknoloġija u r-riċerka medika biddlu l-mod kif qed ikunu ttraċċati ċelloli kankrużi meta jkunu għadhom fil-fażijiet bikrija tagħhom.

Dan wassal biex mis-sena l-oħra bdiet issir proċedura ġdida fl-Isptar Mater Dei li biha tumuri u kankri qed ikunu ttrattati b’aktar ħeffa u effiċjenza qabel ma jkunu laħqu nfirxu.

Il-proċedura tikkonsisti f’sistema ta’ endoskopija avvanzata magħrufa bħala l-EMR u biha l-kanċer ikun identifikat b’aktar preċiżjoni biex imbagħad  jingħata t-trattament bil-laser fil-post fejn ikun lokalizzat.

Il-kirurgu Etienne Joe Abela spjega li t-teknika kienet imtejba fuq proċedura simili li kienet tintuża għat-tneħħija tal-felul tal-musrana l-kbira.

Il-kirurgu Abela spjega li l-proċedura qed twassal għall-inqas uġiegħ fl-iqsar ħin possibli.

Spjega li qabel it-trattamenti kienu jirrikjedu li l-pazjenti jdumu tal-inqas għaxart ijiem l-isptar u l-operazzjonijiet kienu jikkawżaw feriti f’postijiet fejn il-pazjent ikun ġie operat.

Qal li l-proċedura issa qed issir f’tebqa t’għajn u fuq bażi ta’ day care li tfisser inqas spejjeż loġistiċi għall-isptar.

Din is-sena diġà saru 20 intervent bħal dawn fl-isptar Mater Dei li wasslu għat-tneħħija ta’ tumuri. Fil-maġġoranza tagħħom, kienu trattamenti għall-kanċer tal-musrana.

Aħbarijiet Oħra

Il-Qorti Kriminali ordnat l-iffriżar tal-assi tal-eks chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ta’ martu, tal-Managing Partner ta’ Nexia BT, Brian Tonna, ta’ Karl Cini, flimkien ma’ għadd ta’…

Wara li l-ġimgħa li għaddiet bdew jiċċirkolaw ritratti fuq il-midja soċjali ta’ żewġ persuni fuq is-saqaf ta’ karozza tal-linja fil-Ħamrun, issa qed jiċċirkola wkoll filmat ta’ żewġ ġuvintur fuq saqaf…

L-ispazju hu biċċa uġigħ ta’ ras ukoll fil-mużewijiet. Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA, fil-Belt hemm kollezzjoni ta’ riżerva fejn jinżammu bosta oġġetti preġjati li iżda mhemmx spazju fejn jiġu esebiti –…

Imnedija t-30 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, bi 18-il kategorija maħsuba biex jippremjaw l-isforzi tal-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom u fl-istess waqt ikompli jgħolli l-livell tal-ġurnaliżmu lokali.  Il-Kummissjoni Malta Journalism Awards fi ħdan…

Aktar