Lokali
Kappella tal-ħabs inbidlet f’dormitorju għall-gwardjani

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex l-isqof Mario Grech qal li fil-ħabs ta’ Kordin, il-kappella hija żarmata imma l-Knisja hi armata u li qed tintrama bl-ewkaristija b’mod aktar minn qabel.

Fl-omelija li għamel fil-quddies In Coena Domini l-Ħamis filgħaxija fil-Katidral ta’ Għawdex, irrefera għal email li bagħtlu patri Kapuċċin li huwa kappillan fil-ħabs li fiha qallu li flimkien ma’ 130 uffiċċjal tal-ħabs mar jgħix il-ħabs minħabba li jinsabu f’lockdown.

Spjegalu li l-kappella tal-ħabs inbiddlet f’dormitorju għal madwar 20 uffiċċjal u li l-altar tas-sagrifiċċju sar is-sodod tal-ħaddiema mċaħħdin mill-familji tagħhom. Qallu li llum dawn jinsabu fil-kenn tal-Knisja.

Qallu wkoll li f’uħud mill-priġunieri, il-fjamma tal-fidi qed terġa tinxtegħel biex iddawwal id-dalma tal-imxija tal-pandemija. L-isqof Grech qal li hemm rabta bejn l-Ewrkaristija u s-solidarjetà mal-bniedem li qed ibati, mal-marid, mad-dgħajjef u ma min huwa ferut fid-dinjità umana tiegħu.

L-Isqof Grech qal li l-liturġija tagħna hija liturġija tal-fqir li tesprimi l-etika tal-għotja, l-etika li wieħed jaqsam mal-oħrajn u l-etika tal-karità. Huwa esprima t-tama li min għandu s-saħħa politika, finanzjarja jew tal-membri, ikun prudenti fil-miri tiegħu.

L-isqof Mario Grech qal li minħabba l-imxija tal-Covid-19, jidher li ser ikollna nħabbtu wiċċna ma’ kriżi ekonomika u wisq probabbli ser joktor il-faqar.

Huwa sejjaħ lill-poplu ta’ Alla, l-aktar min għandu ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, sabiex ma jibqax lura milli “jaqsam il-ħobż” ma’ min m’għandux.

Qal li fil-jum li fih niftakkru meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, aħna li niċċelebrawha, li noffru mill-ġid tagħna, qabel ma hija materja ta’ ġustizzja soċjali, hija ħaġa ta’ natura Kristoloġika u għalhekk sagramentali.

L-isqof Grech talab lill-Ispirtu s-Santu jgħinna biex “ma nġiegħlux jistħu lil dawk li ma għandhomx.”