Lokali
Kappillan fil-Belt se jitressaq il-Qorti implikat fis-serqa ta’ arti sagra b’valur ta’ €80,000

Nhar it-Tnejn li ġej l-għada tal-festa ta’ Santu Wistin fil-Belt, il-Kappillan tal-Parroċċa Patri Deo Debono ser jitressaq il-Qorti implikat fis-serqa ta’ għadd ta’ pitturi, inċiżjonijiet u arti sagra b’valur ta’ madwar €80,000. Sorsi qalu lil TVM li wara li dan il-patrimonju nħareġ baxx baxx mill-kunvent, ġie nnegozjat għal valur ferm inqas.

Is-serq tal-kwadri u l-patrimonju ekkleżjastiku mill-Kunvent tal-Patrijiet Agostinjani fil-Belt x’aktarx li seħħ aktar kmieni din is-sena u tant kien sar bi ħsieb u bil-għaqal li min wettqu kien dendel kwadri oħra minflok dawk misruqa biex ma jagħtix fil-għajn. Fil-fatt jidher li kien l-arkivista Patri Alex Cauchi li f’Jannar intebaħ li l-kwadri mdendla kienu foloz u ma jaqblux mal-inventarju tal-oġġetti prezzjużi li hemm fil-kunvent.

TVM jinsab infurmat li l-Pulizija mit-Taqsima tal-Propjetà Kulturali waslet għal Patri Deo Debono wara li fl-aħħar jiem irċeviet tagħrif li ċensier u navetta li nsterqu f’każ ieħor mill-Monasteru tas-sorijiet tal-klawsura ddedikat lil Santa Katerina jinsabu għand persuna li tinnegozja l-antikitajiet. Sorsi spjegaw li din il-persuna spjegat li dawn l-oġġetti b’valur ta’ ftit aktar minn €2,000 xtrathom mingħand Patri Deo Debono.

L-istħarriġ tal-pulizija mmexxi mill-Ispettur Saviour Baldacchino wassal biex fl-aħħar jiem bdew jinstabu wħud mill-pitturi u inċiżjonijiet li kienu rrappurtati misruqa fit-8 ta’ Frar li għadda. Sorsi qalu li l-Pulizija għandha f’idejha mill-inqas seba’ biċċiet ta’ arti sagra li mistennija tiddepożitahom lill-Qorti fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla fl-istess jum meta l-Kappillan Debono jitressaq il-Qorti.

Is-sorsi spjegaw li Patri Deo Debono ammetta mal-Pulizija l-involviment tiegħu fis-serq u l-kummerċ illegali ta’ xogħlijiet artistiċi. Huwa jinsab fuq police bail fl-istess waqt li din il-ġimgħa l-Parroċċa li ilu jmexxi ħames snin qed tiċċelebra l-Festa ta’ Santu Wistin. Sa ftit sigħat ilu fuq Facebook huwa ta dettalji tal-programm tal-festa fosthom il-kxif ta’ statwa li tirrapreżenta lil Santu Wistin ma’ San Ġużepp Patrun tal-Ordni Agostinjan li din is-sena qed jitfakkar il-150 anniversarju minn meta l-Knisja ddikkjaratu Patrun tal-Ordni.

TVM ilu jumejn infurmat li kien hemm żviluppi fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ li kien żvela TVM stess f’nofs Frar li għadda. Ilbieraħ f’nofsinhar ġurnalist ta’ TVM mar il-kunvent tal-Agostinjani fil-Belt u tkellem ma’ Patri Deo Debono. Il-Kappillan qal li ġie kkuntattjat mill-Pulizija li qalulu li nstabu oġġetti li possibilment ġew misruqa mill-kunvent. Il-Kappillan qal lill-ġurnalista li kien qed jistenna mill-Pulizija biex imur jara dawn l-oġġetti u jivverifika li huma tal-Ordni. Patri Deo Debono qalilna iżda li bħalissa jinsab impenjat bil-festa ta’ Santu Wistin li tiġi ċċelebrata l-Ħadd li ġej.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjan ta’ 72 sena minn Ħal Qormi ġarrab ġrieħi gravi wara li allegatament ġie aggredit minn tliet persuni f’attentat ta’ serqa. Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija fi Triq…

Lokali

Raġel midrub gravi ttieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-bypass tal-Imrieħel, Ħal Qormi direzzjoni l-Marsa. Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-sitta u nofs, il-Pulizija ġew infurmati li…

Aktar